minn Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
Nagħlqu l-ġimgħa b’li nirriflettu u nfakkru Jum importanti… ċertament, wieħed nazzjonali. Inġibu lura quddiemna u għad-diskussjoni l-Indipendenza ta’ pajjiżna. Mhux fil-linja ta’ xi dubju. Dak il-pass politiku ttieħed sewwa u ġid wettaq lilna lkoll. Dan il-poplu huwa liberu u jikkmanda lilu nnifsu minbarra li rnexxielu jibni l-Istat Demokratiku tiegħu kif kien mitlub li jsegwi. Stat li għadda u għadu jgħaddi minn diversi provi kumplikati imma b’xi mod jaf jagħraf jissuperahom. Jagħraf ukoll dak li huwa postu u kif jista’ jkun rilevanti kemm fix-xenarju Ewropew kif ukoll f’dak internazzjonali fejn hemm viżjoni aktar sħiħa fil-politika barranija li għandu jieħu.
Fuq kollox
Fil-proċess twil ta’ wieħed u sittin sena tgħallima ħafna. L-iktar fuq dak li aħna rridu u fuq dak li jiswielna għas-sewwa. Ma sirniex poplu nieqes minn boxxla morali jew deġenerat. Għalkemm iffaċċjati b’modi differenti, fir-realtà aħna nibqgħu dawk li rridu nibqgħu u nħarsu lejn il-valuri li huma l-għeruq taċ-ċiviltà u tal-bniedem. Naraw dejjem aktar il-bżonn li nkunu dawk li, fil-politika u l-ħajja, b’rispett għad-dinjità tal-persuna umana, nipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem u d-demokrazija. Nagħrfu dejjem aktar li dawn huma punti li mhumiex wieqfa imma l-ħin kollu parti minn proċess li jimxi ’l quddiem. Inkunu qed niżbaljaw jekk kemm-il darba nieqfu naħdmu fihom u nimbuttawhom.
Parti minn tradizzjoni
Aħna, fil-fatt, parti minn tradizzjoni legali li ssawret u ġiet żviluppata fl-oċċident. Aħna parti minn dak kollu li żviluppa taħt id-dritt Ruman u warajh. Aħna dawk li nħarsu li nieħdu ispirazzjoni minn diversi bnedmin li ħallew marka fiċ-ċiviltà li aħna parti minnha. Bnedmin fil-kliem ta’ Marcus Tullius Cicero (109-43QW) li huma “Omnes legum servi sumus ut liberi esse possumus” (Inservu l-liġi sabiex inkunu liberi) Għax aħna bħala poplu għandna nagħżlu biex inkunu skjavi tal-liġi sabiex inkunu liberi. Proprju għalhekk wieħed għandu jqiegħed mill-ġdid punt politiku li sar diġà minn oħrajn. Dak li għandna nistaqsu lilna nfusna llum il-ġurnata hu liema hu l-aħjar Gvern biex imexxi pajjiż — dak tal-liġijiet jew dak tal-bnedmin?
Pariri
Kif ifakkar sewwa bil-preċiż Norberto Bobbio meta jgħid “Il primato della legge e’ fondato sul presupposto che i governanti siano per lo piu’ cattivi, nel senso che tendono a usare del potere per i propri fini. Viceversa, il primato dell’uomo e’ fondato sul presupposto del buon governatore, il cui ideale e’ presso gli antichi il grande legislatore. In fatti se il governatore e’ saggio che bisogno c’e’ di costringerlo nella rete di leggi generali che gl’impediscono di soppesare i meriti e i demeriti di ciascuno? “ (Il-primat tal-liġi hija bażata fuq il-prinċipju li dawk li jiggvernaw huma ħżiena, fis-sens li jkunu mħajra li jużaw il-poter għall-iskopijiet tagħhom. Viceversa, il-primata tal-bniedem huwa mwaqqaf fuq il-prinċipju li l-ideal ta’ Gvern tajjeb huwa meħud mil-leġiżaturi antiki. Fil-fatt, jekk il-Gvern huwa għaqli, ma hemmx bżonn li torbtu fix-xibka ta’ liġijiet ġenerali li jżommuh milli jibbilanċja l-meriti u d-demeriti ta’ kull persuna?”
Proprju f’dan
Proprju dan huwa l-punt determinanti. Liġijiet għandna u ħafna. Dawn jistgħu jkunu miżjuda, mibdula u mfassla aħjar, iżda l-unit jibqa’ li ninsabu fi stat tad-dritt. Ninsabu f’soċjetà fejn il-poter huwa legittimu f’ħidmietu għaliex huwa mogħti s-saħħa mil-liġi. Mexxejja politiċi għandhom ir-responsabbiltà għaliex hi mogħtija mil-ligi. Mingħajrha ma huma xejn. Huma biss arbitrarji u illegali. Kull min jaġixxi barra mil-liġi huwa żbaljat u anti-demokratiku. F’dan irridu aktar nirriflettu fejn ninsabu u fejn sejrin. Il-bżonn tal-liġi jibqa’ magħna proprju biex nassiguraw li l-affarijiet isiru sewwa. U l-kunċett tal-liġi bħala l-vuċi tal-poplu fil-fatt iservi bħala t-twettiq tar-rieda tiegħu.
Nistaqsu
Irridu nistaqsu aktar jekk aħniex f’soċjetà fejn il-liġi qiegħda tiġi rispettata, imħaddma, applikata u inforzata. Għax il-liġi hija l-bidu ta’ kull organizzazzjoni umana. Hija dik li tassigura li d-deċiżjonijiet jittieħdu fit-trasparenza u li dan il-prinċipju li jiggarantixxi li l-liġi qed tkun osservata. Dan fih aktar rilevanza llum fil-klima politika li ninsabu fiha. Fil-konoxxenza li dak li qiegħed isir ma jsegwix il-liġi, anzi, jiffavorixxi u jipproteġi lil uħud. Il-liġi mhix iktar perċepita bħala dik li hija ugwali għal kull persuna u li hemm min jirranġa. Żbalji politiċi saru u dawn jikkundizzjonaw sew il-mod ta’ kif il-bnedmin f’dawn l-gżejjer iħarsu lejn l-affarijiet.
Fid-dell
L-Indipendenza ġiet sabiex aħna niddeċiedu l-affarijiet tagħna fil-miftuħ u fl-ugwaljanza. Ċertament mhux fis-segretezza, fil-moħbi, jew ’il bogħod minn xtutna għal dak li huwa fl-interess ta’ oħrajn. Dan il-Jum Nazzjonali ġie biex jassigura li napplikaw il-liġijiet kif jixraq u li l-proċess, il-metodu kollu, isir fil-miftuħ. Prinċipju li għandna niftakru u nassiguraw li jiġi implimentat. Kif Norberto Bobbio jfakkarna : “Il principio fondamentale della democrazia e’ del resto ostile alla segretezza. Se tu devi votare, devi poter conoscere sia il problema sul quale devi esprimere il tuo giudizio, sia le persone che sono coinvolte.” (Il-prinċipju fundamentali tad-demokrazija huwa ostili għas-segretezza. Jekk għandek dritt tivvota, għandek tkun taf il-fatti sħaħ dwar il-problema li fuqha ser tesprimi l-ġudizzju tiegħek, kif ukoll tal-bnedmin li huma involuti.)
’Il quddiem
F’dan kollu għandna nħarsu ’l quddiem… dmirna fil-Partit Nazzjonalista huwa li nassiguraw li l-liġi tiġi osservata għaliex id-demokrazija trid tkun implimentata anki jekk kif ġustament ingħad hija imperfetta imma fil-verità ma għandiex waħda perfetta alternattiva għaliha.
Dmirna li nfakkru l-passat fis-sens ta’ dak kollu li għaddejna minnu bħala poplu biex din il-pożizzjoni determinanti tintlaħaq. Anki sabiex ħadd ma jimmaġina li kienet faċli u li kulma kien hemm bżonn huwa li wieħed jagħmel xi talba jew jimla xi applikazzjoni. L-Indipendenza batejna għaliha u hija l-ġebla tax-xewka tas-soċjetà tagħna. Proprju għalhekk fis-sitwazzjoni li ninsabu llum, il-proġett politiku tagħna jrid jitlaq minn dak li nassiguraw soċjetà fejn hemm osservanza akbar tal-liġi fit-trasparenza.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 16 ta’ Settembru, 2025.
//= $special ?>