Stanley Zammit
Shadow Minister għall-Ippjanar
Dan hu l-mument għal Malta u għal Għawdex kollha. Din hija sejħa għal pajjiżna kollu; sejħa għall-bidla, għat-tama, għall-enerġija ġdida. Sejħa għall-politika friska. Sejħa għal Malta Żgħżugħa u għal Malta li tħares ’il quddiem… Malta li tippjana.
Esperjenza partikolari għall-Partit Nazzjonalista
Il-ħatra ta’ Alex Borg bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni ma kenetx biss għażla ta’ Kap ġdid. Kienet esperjenza unika għat-tesserati u s-sostenituri tal-PN. Ġabet magħha rieda soda, għaqda sinċiera u entużjażmu kbir.
Il-kampanja li għexna u din l-elezzjoni mhux biss wasslet għal Kap ġdid, ġabet sens ta’ unità u ħeġġa ġdida li nħasset u qed tinħass minn kulħadd.
Stil ta’ politika viċin in-nies
Bl-enerġija tiegħu, Alex Borg ma waqafx fin-nostalġija tal-glorja tal-imgħoddi, imma ħares ’il quddiem. Tkellem b’mod frisk dwar stil ġdid ta’ politika, politika viċin in-nies.
Matul l-aħħar snin ħafna qatgħu qalbhom mill-politika. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jrid ikun preżenti aktar fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies: viċin il-familji, il-ħaddiema, iż-żgħażagħ, in-negozji u l-anzjani.
Dan hu l-messaġġ li laqat mhux biss lill-attivisti Nazzjonalisti, imma wkoll lill-poplu Malti u Għawdxi li qed jara fil-PN u fil-Kap il-ġdid tiegħu tama ġdida għal bidla ġenerazzjonali.
Ftit tal-ġimgħat ilu, il-PN, fil-Kunsill Ġenerali bit-tema Malta Żagħżugħa, irrikonoxxa li ż-żgħożijja hi ċ-ċavetta għall-futur. Iż-żgħażagħ iridu ċertezza u integrità. Iridu politika li tħares lejhom mhux biss bħala votanti u numri, imma bħala kontributuri ewlenin għall-ġid ta’ pajjiżna.
Alex Borg, Kap żagħżugħ, qed iħoss tajjeb dan il-polz. L-entużjażmu tiegħu jirrifletti l-għatx ta’ Malta għal bidla ġdida.
Malta Żagħżugħa u Malta li tippjana
Malta Żagħżugħa trid tkun ukoll Malta li tippjana. Il-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq li l-ippjanar f’Malta jeħtieġ riforma ħolistika u ġusta – mhux tibdiliet bil-biċċiet u kosmetiċi li jħallu aktar inċertezza u abbuż.
Il-PN kien ċar mill-bidu li t-tibdiliet li qed jipproponi l-Gvern jagħtu setgħat esaġerati lill-Awtorità tal-Ippjanar u jheddu d-drittijiet taċ-ċittadini.
Għalhekk l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni biex dawn l-abbozzi jiġu rtirati u tinbeda konsultazzjoni vera u miftuħa. Dan mhux biss argument legali jew tekniku. Hu argument għall-kwalità tal-ħajja tagħna.
Il-piż tal-popolazzjoni u l-ħtieġa ta’ ppjanar
Malta ma tistax tibqa’ titmexxa fuq policies ta’ għoxrin sena ilu, bi strateġiji skaduti u taħt pressjoni ta’ popolazzjoni dejjem tikber.
Il-Gvern Laburista għadu jara fl-importazzjoni massiċċa ta’ ħaddiema barranin is-soluzzjoni ekonomika, iżda l-infrastruttura, it-traffiku, l-elettriku, id-drenaġġ, is-sistemi tas-saħħa u edukazzjoni, jinsabu għarkubbtejhom.
Fil-bidu ta’ din is-sena l-popolazzjoni ta’ pajjiżna kienet diġà laħqet kważi sitt-mitt elf persuna. Dan huwa piż li l-ambjent, l-infrastruttura u l-komunitajiet tagħna mhumiex ippreparati għalih.
Għalhekk il-Partit Nazzjonalista permezz tal-Kunsillieri tiegħu, u fejn il-Kunsillieri tal-Partit Laburista fehmu l-problemi fil-lokalitajiet tagħhom ikkawżati mill-overpopulation, qed imexxu studji ta’ “carrying capacity” biex jiddeterminaw kif il-lokalit tista’ twieġeb għal dawn il-problemi – mhux biss numri fuq karta, imma pjanijiet xjentifiċi biex nifhmu x’tip ta’ żvilupp il-lokalità tista’ terfa’ u kif l-infrastruttura tagħna tista’ tappoġġja dan l-iżvilupp b’mod sostenibbli.
Viżjoni ta’ Malta li tisma’
Dan kollu jorbot flimkien mal-viżjoni ta’ Alex Borg. Viżjoni ta’ Malta li tisma’, Malta żagħżugħa, Malta li ma tibżax tippjana għax taf li l-ippjanar hu essenzjali għall-futur sostenibbli.
M’hemmx lok għall-passività. Dan hu l-mument biex nagħżlu Malta viċin in-nies, Malta li tħares lejn il-ġenerazzjonijiet li ġejjin, Malta li tagħti ċertezza, serjetà, parteċipazzjoni u direzzjoni.
Il-kampanja ta’ Alex Borg ma wasslitx biss għall-ħatra ta’ Kap ġdid, imma wkoll għall-għaqda, it-tama u l-enerġija li Malta tant teħtieġ.
Għalhekk, dan hu l-mument għal Malta żagħżugħa. Dan hu l-mument għal Malta li tippjana. U dan hu l-mument li flimkien nagħmlu l-futur tagħna wieħed aħjar – futur li jixraq lilna lkoll.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 14 ta’ Settembru, 2025
//= $special ?>