Lokali Qorti

Recordings dwar il-qtil ta’ Jean Paul Busuttil – problemi biex tal-LESA jagħmlu kuntatt mal-Pulizija

Il-Qorti kompliet tisma’ x-xhieda fil-kawża kriminali kontra Mohamed Hamdan, akkużat bil-qtil volontarju ta’ Jean Paul Busuttil fil-Bidnija, b’seduta li fiha ġew ippreżentati recordings u evidenza li juru l-paniku u l-konfużjoni li seħħew fil-post tal-inċident. Ħareġ ukoll mir-recording li tal-LESA kellhom problemi biex jaqbdu mal-Pulizija biex jinfurmawhom dwar l-inċident.

Mohamed Hamdan, ta’ 46 sena qed jiġi akkużat bi qtil volontarju wara argument vjolenti ma’ negozjant, li żvolġa fi sparatura fatali fil-Bidnija, kmieni l-Ħadd filgħodu tad-29 ta’ Ġunju. Hamdan, Libjan li twieled fis-Sirja u jgħix fil-Bidnija, qed jiġi mixli li spara u qatel lil Jean Paul Busuttil wara li ħabat miegħu fi triq ‘one-way’. Allegatament b’kollox Hamdan spara ħames tiri bi tnejn minnhom jolqtu lill-vittma f’għonqu u f’wiċċu.

Barra l-omiċidju, Hamdan qed jiġi mixli fuq pussess ta’ pistola waqt ir-reat, liema arma kienet bla liċenzja, il-qerda tal-evidenza, li saq kontra d-direzzjoni tat-traffiku, li kkaġuna biża’ ta’ vjolenza fuq tliet persuni, u li wettaq ħsarat li jaqbżu l-€2,500.

Stephanie Grech, rappreżentanta tal-LESA, kienet l-ewwel xhud u ppreżentat lill-Qorti recordings tat-telefonati li saru mill-control room u mill-uffiċjali tal-LESA nhar il-29 ta’ Ġunju. Minn dawn ir-recordings instema’ kif għall-ħabta tas-6.51am sar l-ewwel rapport ta’ kolliżjoni u kif ftit wara l-affarijiet eskalaw b’mod drammatiku sal-mument li nstemgħu tiri fis-7.31am.

Il-Qorti semgħet ukoll konverżazzjonijiet fejn il-vittma Jean Paul Busuttil, ftit qabel inqatel, kien qed jistaqsi kemm se jdumu biex jaslu l-LESA, filwaqt li uffiċjali oħra tal-LESA kienu qed jgħajtu “qed jispara – se joqtlu” u jitolbu bil-ħniena għall-ambulanzi.

Ix-xhud ikkonfermat ukoll li d-duty officer dak inhar kienet Alexandra Falzon u li kien hemm diffikultà kbira ta’ komunikazzjoni bejn il-LESA u l-Pulizija, tant li wara l-inċident ġie stabbilit hotline apposta bejn iż-żewġ korpi.

Grech ippreżentant recordings tat-telefonati li ħarġu mill-control room u tal-uffiċjal tal-LESA dik inhar tal-inċident. Qalet li għall-ħabta ta’ 6.51am daħlet telefonata li kienet rapport tal-kolliżjoni, u fis-7.02am. daħlet telefonata fuq numru mhux magħruf.

Fis-7.21am sar r-rapport u sitt minuti wara l-uffiċjal tal-LESA fil-post talab għall-assistenza għax bdew jiġġieldu. F’ħin minnhom u dan kien fis-7.29am. l-uffiċjal qal li wieħed minnhom mar iġib xi ħaġa u wara li wasal beda jispara, u dan kien fis-7.31am.

Fuq mistoqsija tal-Maġistrat ix-xhud qalet li d-duty officer kienet Alexandra Falzon. Grech ippreżentat ir-recordings ta’ dak li hemm fil-pusses tal-LESA. Ir-recordings preżentati ingħataw lill-Qorti fuq USB u anke fuq CD.

Dawn ir-recordings instemgħu fl-awla 14 tal-Qorti fejn kien qed jinstema’ l-każ. Busuttil instema’ bl-edukazzjoni kollha jistaqsi lil tal-LESA li sar rapport mill-Bidnija fuq incident, huwa staqsa jekk tal-LESA hux se jdumu ma jaslu. U t-tweġiba kienet li dalwaqt se jaslu, bil-vittma jwieġeb, “ok – affarijiet żgħar.”

Wara jinstema’ leħen jgħid li seħħ inċident minn Triq il-Bidnija għal Għajn Riħana fejn ir-roundabout u jgħid li ma’ weġġa’ ħadd. It-telefonata kienet saret minn Pulizija li nzerta għaddej minn hemm. It-tweġiba kienet ok li daqt kien se jintbagħat xi ħadd.

Tal-LESA mill-Control Room bdew jistaqsu jekk hux viċin ta’ fejn kienu qatlu lill-ġurnalista, b’referenza għal Daphne Caruana Galizia. Telefonata oħra kienet tikkonsisti minn dak li kien qed jgħid uffiċjal tal-LESA li kien hemm raġel involut fl-inċident li mar iġib xi ħaġa.

Mill-Control Room bdew jippruvaw jaqbdu mal-Pulizija fuq dak li kien qed jiġri b’rabta ma’ dan l-inċident. Tal-LESA bdew jilmentaw li kienu qed jippruvaw iċemplu 119 u ħadd ma beda’ jwieġeb. Wara li fl-aħħar qabdu tal-LESA dawn infurmaw lill-Pulizija li hemm l-inkwiet fil-Bidnija u l-Pulizija ġew infurmati li żewġt irġiel qabdu jagħtu bl-ikraħ.

Recording ieħor jinstema’ jgħid biex ifittxu jibgħatu lill-Pulizija. Dan kien leħen Alexandra Falzon mill-LESA iċempel lill-Pulizija. Ix-xhud qalet li hemm ukoll recordings fuq ir-radio tal-LESA kif ukoll xi ritratti li ppreżentat lill-Qorti. Dawn ir-ritratti ttieħdu minn Joseph Delia, uffiċjal tal-LESA li mar fuq il-post.

Ħareġ ukoll fil-Qorti li l-ħaddiema tal-LESA jużaw il-mobile tagħhom fix-xogħol tagħhom. Recording ieħor jinstema’ tal-LESA jgħajjat – “qed jisparaw – se joqtlu” u minn naħa tal-LESA jgħidulu biex jitlaq minn fuq il-post. L-uffiċjal beda jitlob bil-ħniena għall-ambullanza. Solljev minn naħa tal-LESA għax wara xi ħin fuq il-119 qabdu għall-ammbullanza.

“L-importanti li ma jweġġgġux lilek” kienet l-ordni lill-uffiċjal li qalilhom li kien telaq u ħalla l-karozza tal-LESA waħedha.  Fuq mistoqsija tad-difiża ħareġ li wara li seħħ dan l-inċident li sar hotline bejn il-LESA u l-Pulizija, għax qabel kien ikun hemm diffikultà kbira biex ikun hemm kuntatt bejn il-LESA u l-Pulizija.

L-Ispettur Wayne Camilleri xehed ukoll u spjega kif, għalkemm ma kienx xogħol dak il-jum, mar fuq il-post tal-inċident u sab muturi, vettura tal-LESA bi dmija u b’tir fuq il-windscreen tagħha, kif ukoll skrataċ ta’ balal, fosthom xi wħud mhux sparati.

Qal li l-investigazzjoni uriet li kollox beda minn ħabta żgħira bejn il-Volvo misjuqa minn Busuttil u mutur misjuq mill-akkużat Hamdan. Dak li kien sempliċi inċident fit-triq malajr eskala fi ġlieda, u b’konsegwenza Hamdan spara diversi tiri li qatlu lil Busuttil.

Ix-xhieda tal-prosekuzzjoni, fosthom mart il-vittma Miriam Busuttil, il-kunjata tiegħu Maria Wejers, u uffiċjali tal-LESA, ikkonfermaw li raw lill-akkużat jispara. L-investigaturi kkonfermaw li wara sparatura intensa, Hamdan baqa’ fuq il-post u ġie arrestat.

Tfittxijiet fid-dar tiegħu fil-Bidnija żvelaw munizzjon, filwaqt li aktar tard kien hu stess li wera lill-pulizija fejn kien tefa’ l-arma tal-qtil, li nstabet l-għada filgħodu. Meta mitlub jixhed iktar fid-dettal huwa qal li beda jieħu xi nformazzjoni dwar x’ġara.

Tkellem mal-Ispettur Sarah Magri li qaltlu li kollox beda minn incident fejn kien hemm involuti karozza Volvo u wieħed mill-muturi Yamaha. Il-Volvo li ma kienitx hemm kienet qed tinstaq minn Jean Paul Busuttil u l-mutur mill-akkużat.

Il-ħaġa eskalata u Mohammed Hamdan spara diversi tiri b’Busuttil jitlef ħajtu. Kien hemm erba’ xhieda li raw kollox, Joseph Delia l-uffiċjal tal-LESA, il-mara tal-vittma  Miriam Busuttil, it-tifel tal-akkużat Nathan Picker Camilleri, u l-kunjata tal-vittma Maria Wejers.

Tenna li ġie nfurmat li wara li Hamdan spara fuq Jean Paul, irnexxielhom idaħħluh fil-Volvo u ppruvaw idaħħluh fiha għax kien qed jitlef ħafna demm. Hamdan baqa’ fuq il-post u ġie arrestat u ibnu kien diġa’ l-għassa.

Qalulu li l-Volvo kienet in-Naxxar biex tieħdu l-isptar, u hemm raw ambullanza fejn ġie assistit. Martu u l-kunjata baqgħu miegħu. Il-mod kif instabet il-vettura ġie ippreservat. Ix-xhud qal li hu u l-Ispettur Sarah Magri marru l-isptat Mater Dei u ppruvaw ikellmu lil martu u l-kunjatu li kienu fi stat ta’ xokk. L-Ispettur Kurt Colombo Zahra kien baqa’ fuq ix-xena tad-delitt.

Ix-xhud qal li kien infurmat li l-akkużat x’iktarx kien rema’ l-arma. Dwar il-mara u l-kunjata tal-vittma qalulu li kienet ħabta żgħira u ħadd ma weġġa’ u li anke ħsara fil-vetturi ma kienx hemm. Qalulu wkoll li Hamdan beda jsir agressiv, li huma kienu qed jirreferu għalih bħala s-sewwieq tal-mutur, għax ma kienux jafu min hu.

Wara li kkalma ftit reġa’ sar agressiv u mar bil-mutur tat-tifel, u qalilhom “issa inkun naf xi nsarraf jien”, it-tifel kien inkwetat u x-xhud qal li l-akkużat wasal żewġ minuti wara u beda jispara fuq Jean Paul Busuttil li beda jitlef ħafna demm.

Il-mara u l-kunjata qalu lix-xhud li l-aħħar tir li spara Hamdan kien fuq il-karozza tal-LESA. Il-mara ta’ Busuttil ħadet xi ritatti relatati ma’ l-inċident fosthom tal-ħabta u meta riekeb fuq il-mutur ta’ ibnu hekk kif Hamdan telaq mix-xena tar-reat.

Ix-xhud qal li dak inhar stess fid-29 ta’ Ġunju wara nofs inhar flimkien ma’ Pulizija oħra u l-akkużat marru tfittxija fid-dar ta’ Hamdan, fil-Bidnija stess. Huwa kien preżenti l-ħin kollu waqt it-tfittxija.

Kien qallu li kienx hemm xi ħaġa tal-periklu jew ta’ interess tal-pulizija. Hu kien koperattiv u qalilhom li hemm xi bullets. Qal li fl-ewwel kamra sabu ‘gym bag’ u hemm kien hemm 15-il balla. Hawn Hamdan qalilhom li għal dawk kien qed jirreferi.  L-Ispettur ippreżenta il-munizzjon li nstab fil-baskett.

X’ħin kien mistoqsi jekk għandux xi propjetà oħra qalilhom li għandu garaxx Buġibba fejn  kien lest li jeħodhom hemm. Huma marru iżda ma kien hemm xejn ta’ interess. Kif lestew u kienu fl-istess karozza, Hamdan beda jgħid li kellu ċerta rabja għall-istat Malti, li għamel talba għall-permess ta’ residenza li qatt ma ħarġet kif qatt ma ħareġ il-permess ta’ arma tan-nar u li qatt ma kien ingħata raġuni għaliex,

L-Ispettur qal li kien preżenti għall-awtopsja fejn deher li kien sofra minn diversi tiri u li l-vittma kien tilef ħajtu minħabba li tilef ħafna demm. Kien hemm tir fuq żaqqu, koxxtejh, parti ta’ fuq tas-sider u viċin l-għonq.

L-interogazzjoni saret l-għada tal-inċident u fuq video recording mill- Ispettur Kurt Colombo Zahra u Sarah Magri. L-Ispettur Wayne Camilleri qal li l-Avukat tiegħu Mario Mifsud kien preżenti waqt l-interogazzjoni.

Wara li tressaq kien ġew avviċati minnu u l-Avukat tiegħu fejn qalu li riedu jikkoperaw u jgħidulu fejn qiegħda l-arma. Marru fuq il-post fejn għalqa li qalilhom li tefagħha hemm. Peress li kien qed jidlam fittxewha l-għada, l-1 ta’ Lulju u għall-ħabta tal-11.30am. kienet instabet l-arma.

Fi tmiem id-depożizzjoni tiegħu huwa ppreżenta dokumenti b’rabta mal-vettura b’rabta ma’ dan il-każ. Fuq mistoqsija tad-difiża l-Ispettur Wayne Camilleri ikkonferma li l-aġir tal-akkużat hu kien wieħed aggressiv, dwar il-komportament tal-vittma, huwa ma jafx għax ma tkellimx mal-gwardjan li kien fuq il-post.

Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Avukati Kaylie Bonett u Mauro Abela mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u assistita mill-Ispettur Kurt Colombo Zahra, akkużat lil Hamdan mhux biss bil-qtil volontarju, iżda wkoll bil-pussess ta’ arma tan-nar mingħajr liċenzja, qerda ta’ evidenza, ksur tar-regoli tat-traffiku u ksur tal-paċi pubblika.

L-Avukati Mario u Nicholas Mifsud dehru għall-akkużat, filwaqt li l-familja tal-vittma kienet rappreżentata mill-Avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri u David Farrugia Sacco. Il-każ se jkompli jinstema’ nhar it-23 ta’ Ottubru f’nofsinhar.