Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima – kkundannat lil Valeria Danna Gallego Millan, tfajla ta’ 26 sena ta’ nazzjonalità Kolombjana, għal sena ħabs sospiża għal sentejn wara li ammettiet l-akkużi ta’ serq minn kiosk fi Triq ix-Xatt, Tas-Sliema, il-post tax-xogħol tagħha.
Il-każ kien jikkonċerna diversi serqiet bejn Mejju u Awwissu tal-2025, fejn is-sid tal-kiosk allega li nsterqu €16,000 fi flus kontanti. L-akkużata ammettiet li ħadet xi flus iżda insistiet fil-bidu li s-somma kienet ta’ €1,500 u mhux dik indikata mis-sid.
Madankollu l-mara ħallset parti sew mill-flus misruqa li kienu fiċ-ċifra ndikata mis-sid li kien jimpjegaha. Il-Qorti, wara li rat il-provi u l-ammissjoni tagħha, iddikjaratha ħatja u imponiet sentenza sospiża, waqt li ordnat ukoll li tħallas is-somma ta’ €5,000 fi żmien ġimagħtejn mill-għoti tas-sentenza. Din iċ-ċifra hija l-kumplament tas-somma li kien għad baqalha tagħti l-Kolumbjana.
Id-difiża u l-prosekuzzjoni qablu ma’ sentenza sospiża f’dan il-każ fid-dawl tal-fatt li l-mara kkoperat mal-Pulizija u li għandha kondotta nadifa. Id-difiża qalet ukoll li l-imputata ammettiet li żbaljat. “Min ma jiżbaljax f’xi perjodu ta’ ħajtu? Kieku ħadd ma jiżbalja kieku aħna lloll m’aħniex hawn,” qal l-Avukat Charles Mercieca lill-Qorti.
Il-Qorti laqgħet it-talba konġunta tad-difiża u l-prosekuzzjoni filwaqt li żieda mal-piena kienet dik ukoll li l-mara għandha tmur lura lejn pajjiża wara li jsir il-kumplament tal-ħlas. Fil-kummenti tagħha, il-Qorti rrimarkat ukoll li kull persuna tista’ żżbalja u li l-iskop ta’ sentenza sospiża huwa wkoll ta’ korrettiv u ta’ ċans ta’ riforma.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat tal-Istat Luigi Gulia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Ian Azzopardi, filwaqt li l-avukat Charles Mercieca deher għall-akkużata. Il-Qorti ordnat ukoll li kopja tas-sentenza tintbagħat lill-Principal Immigration Officer għal kull azzjoni neċessarja, fosthom it-tneħħija tagħha minn Malta.
//= $special ?>