Il-klabb taċ-Challenge League, Swieqi United ċaħad bis-sħiħ u ħareġ jikkundanna bil-qawwa l-allegazzjonijiet bla bażi magħmula minn Melita FC wara l-partita ta’ bejniethom, u li ntlagħbet nhar is-Sibt li għadda.
Nhar il-Ħadd li għadda, Melita ħarġu stqarrija biex jgħidu li waqt il-partita kontra Swieqi United, “saru kummenti razzisti minn rappreżentant ta’ Swieqi United fiz-zona VIP kontra wieħed mill-plejers tagħna.”
Quddiem din l-akkuża serja minn Melita, l-istess klabb żied jgħid fl-istqarrija li dawn il-kummenti “nstemgħu minn ħafna fiz-zona u minn ħafna plejers fil-grawnd.”
Illum Swieqi United, ħarġu stqarrija b’risposta għal dak li qed ikun allegat mill-klabb ta’ Melita. Wara li Swieqi United għamlu reviżjoni u investigazzjoni, il-klabb irribatta l-akkuża serja li għamlu Melita, dwar “allegat rimarki razzisti attribwiti lil wieħed mill-kowċis tagħna waqt il-logħba bejn iż-żewġ klabbs.”
L-istqarrija ta’ Swieqi United tkompli tgħid li huma diżappuntati ħafna li akkużi serji bħal dawn saru mingħajr ebda evidenza, “f’forum pubbliku, u mingħajr il-kortesija ta’ komunikazzjoni minn qabel mal-maniġment tal-klabb tagħna – speċjalment meta wieħed iqis ir-relazzjonijiet tajbin bejn iż-żewġ klabbs barra mill-grawnd.”
Ir-reviżjoni interna ta’ Swieq United inkludiet li tara filmati tal-logħba, taħditiet ma’ xhieda oħra fiz-Zona VIP u l-valutazzjoni tar-rapporti tal-MFA relatati mal-logħba.
Swieqi United temmew l-istqarrja billi qalu li “dejjem kien klabb u għadu klabb b’politika ta’ tolleranza żero assoluta lejn ir-razziżmu, id-diskriminazzjoni, jew kwalunkwe forma oħra ta’ abbuż. Konna fuq quddiem nett fir-rigward tas-salvagwardja tal-partijiet interessati kollha fil-futbol u appoġġjajna drittijiet ugwali u fair play lil hinn min-normi fil-futbol Malti.”
//= $special ?>