Il-Partit Nazzjonalista flimkien mal-AŻAD nidew edizzjoni oħra tal-programm ta’ formazzjoni u taħriġ għaż-żgħażagħ Future Leaders bl-iskop li jħejji grupp ieħor ta’ politiċi żgħażagħ b’aspirazzjoni ta’ karriera fil-politika fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Din it-tnedija saret waqt laqgħa għall-membri tal-fergħat tal-PN, il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) u Team Start PN li kienet indirizzata fost oħrajn mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg. Il-laqgħa saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħabbar li kif wiegħed fil-kampanja tiegħu, se jniedi Youth Think Tank bħala pjattaforma permanenti biex iż-żgħażagħ jikkontribwixxu direttament kemm fil-viżjoni tal-PN kif ukoll fit-tfassil tal-politika tiegħu. Hu qal li l-pajjiż hu taż-żgħażagħ u bħala żagħżugħ jemmen bis-sħiħ fi programmi bħal dawn li jagħtu lill-mexxejja ta’ għada il-ħiliet u l-opportunitajiet biex jikbru.
Għat-tnedija ta’ dan il-programm kienu preżenti fost l-oħrajn is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello u l-Kap Eżekuttiv tal-AŻAD Roderick Agius li wkoll indirizzaw lil dawk preżenti.
L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Future Leaders – li hija mmirata lejn żgħażagħ ta’ bejn l-14 u l-25 sena – se tkun mifruxa fuq tliet fażijiet:
- Seminar prattiku ta’ tlett ijiem bejn l-14 u s-16 ta’ Novembru 2025,
- Seminar prattiku ieħor ta’ tlett ijiem bejn is-6 u t-8 ta’ Marzu 2026, u
- Taħriġ prattiku (placement) ta’ 40 siegħa f’xi waħda mit-taqsimiet jew fergħat tal-Partit Nazzjonalista.
Fl-ewwel seminar il-parteċipanti se jkollhom sessjonijiet ta’ taħriġ dwar kif tippreżenta ruħek fil-pubbliku b’mod effettiv, kif taħdem f’tim u stili differenti ta’ tmexxija, kif tipprepara diskors u titkellem fil-pubbliku, kif tuża l-media socjali b’mod effettiv u tagħraf il-miżinformazzjoni, kif tikteb artikli u blog posts, it-televizjoni u r-radju, l-istorja tal-partiti politiċi f’Malta, l-Unjoni Ewropea u l-politika barranija u l-kunsilli lokali.
Fit-tieni seminar jiġu koperti suġġetti bħall-interpretazzjoni tal-istħarriġ tal-opinjoni pubblika, kif tghin fit-tiswir tal-aġenda ambjentali, l-ekonomija ta’ għada, Għawdex, is-soċjetà ċivili u l-attiviżmu, it-trejdjunjoniżmu u l-valuri umani u l-prinċipji bażiċi tal-PN.
Fit-tielet fażi l-parteċipanti jkollhom l-opportunità li jwettqu ħidma ta’ 40 siegħa f’waħda mit-taqsimiet jew fergħat tal-Partit Nazzjonalista fosthom il-media tradizzjonali jew diġitali, il-kumitati lokali, l-uffiċċju tal-Kap tal-Partit jew tas-Segretarju Ġenerali, tas-Segretarju Eżekuttiv Organizattiv jew tas-Segretarju Internazzjonali, l-ELCOM, fid-dipartiment tal-Customer Care, fil-librerija ta’ riċerka INFORMA, fl-AŻAD stess, inkella waqt home visits mal-kandidati.
Waqt dan it-taħriġ il-parteċipanti jkunu assenjati ma’ mentor.
Għal darba oħra dan il-programm qed jiġi appoġġjat mil-Fondazzjoni Konrad Adenauer.
Dawk interessati li jirreġistraw ghal dan il-programm għandhom jagħmlu dan billi japplikaw online fuq https://bit.ly/AZAD_FutureLeaders. Wieħed jista’ wkoll iċempel fuq 2122 0660/9947 1549 għal aktar informazzjoni.
//= $special ?>