Lokali

“Waqt li int tistinka biex tixtri darek, il-Gvern jagħti l-artijiet tagħna lkoll bix-xejn” – Il-PN

Ritratti: Martin Agius
Il-PN jgħid li r-responsabbiltà tas-serqa ta’ €16-il miljun tal-poplu qiegħda biss fuq il-Prim Ministru; għandu minnufih imur il-Qorti biex toħroġ il-verità u jiġbor lura l-flus li nsterqu

Waqt li ż-żgħażagħ u l-familji qed jagħmlu sagrifiċċji kbar biex jixtru darhom, il-Gvern li suppost qed iħares lill-poplu Malti qed jagħti l-art tagħna lkoll bix-xejn. L-art f’Tas-Sliema li kienet stmata mal-€24 miljun ingħatat kważi rigal għal €8 miljuni biss.

Filwaqt li tant Maltin u Għawdxin iridu jistinkaw biex jgħixu b’dinjità, u tant żgħażagħ iridu jirsistu biex jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom, il-Gvern qed ikompli jisraq minn ħalq uliedna u jbigħ dak li hu tal-poplu bix-xejn. Kif għamel f’dan il-każ ma’ tal-qalba – fejn proprjetà tal-Maltin ingħatat lil tal-qalba għal terz tal-valur tagħha.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Aworità tal-Artijiet, iċ-Chairperson tal-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi u Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott, ix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit u x-Shadow Minister għall-Enerġija, ir-Riċerka u l-innovazzjoni Ryan Callus qalu li jekk il-poplu Malti u Għawdxi jiġi l-ewwel u qabel kollox għall-Gvern Laburista, il-Prim Ministru għandu minnufih jiftaħ kawża fil-Qorti biex tkun magħrufa l-verità kollha dwar dan il-ftehim u biex iġib lura s-€16-il miljun li nsterqu fuq l-art tal-Fortina f’Tas-Sliema.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg diġà talab investigazzjoni tal-pulizija dwar dan id-deal u sejjaħ għal inkjesta pubblika. U bis-saħħa tal-PN, li lbieraħ irnexxielu jwassal għal dibattitu urġenti fil-Parlament dwar dan il-ftehim, issa l-Gvern sejjaħ laqgħa urġenti tal-Kumitat tal-Kamra dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verika biex jiddiskuti dan il-każ.

Il-Partit Nazzjonalista sitt snin ilu kien diġà wissa li l-ftehim dwar din l-art ma kienx fl-aqwa interess tal-Maltin u l-Għawdxin imma l-Gvern baqa’ għaddej bil-pjan tiegħu. Illum l-Awditur Ġenerali ta raġun lill-Partit Nazzjonalista u kixef serqa oħra minn lista twila li saru taħt dan il-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista jikkonferma u jżomm il-pożizzjoni tiegħu b’konsistenza u jeżiġi:

  • Trasparenza sħiħa – Il-poplu għandu jkun jaf min kien involut u kif ittieħdu d-deċiżjonijiet.
  • Kontabbiltà vera – Min ħeba l-informazzjoni jew ippreżenta informazzjoni ħażina għandu jwieġeb.
  • Protezzjoni tal-art pubblika – M’għandhiex tibqa’ tintuża bħala rigal għal dawk li huma tal-qalba u qrib il-Gvern.
  • Riforma radikali tal-Awtorità tal-Artijiet – Biex tintemm il-“mentalità ta’ fortizza” u jinħolqu mekkaniżmi ċari ta’ governanza tajba li jerġgħu jibnu l-fiduċja.

B’kuntrast mal-azzjoni immedjata li ħa l-Partit Nazzjonalista dwar dak li żvela u kkonferma l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, il-Prim Ministru Robert Abela ma sab xejn x’jgħid ħlief li nfexx f’attakki personali bħalma dejjem jagħmel meta jsib ruħu dahru mal-ħajt.

Bil-kliem Robert Abela jgħid ħafna. Bil-fatti għandna biss skandlu wara l-ieħor li juru li hu qiegħed fuq in-naħa ta’ min jisraq lill-poplu u mhux fuq in-naħa tal-poplu.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ determinat li jkun vuċi qawwija favur il-ġustizzja, il-governanza tajba u l-ħarsien tal-ġid tal-poplu tagħna u se jkompli joħroġ bi proposti konkreti fl-aħjar interess tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.