Internazzjonali

900 turist maqbuda biswit Machu Picchu minħabba l-protesti

Early morning in wonderful Machu Picchu

Madwar 900 turist sabu ruħhom maqbuda f’Aguas Calientas, ir-raħal l-eqreb lejn iċ-ċitadel antik ta’ Machu Picchu, fil-Perù, wara li tħassru s-servizzi tal-ferrovija minħabba l-protesti li seħħew fir-reġjun ta’ Cusco.

L-awtoritajiet fil-Perù spjegaw li t-Tnejn ġew evakwati aktar minn 1,400 turist iżda ħafna oħrajn baqgħu mwaħħla minħabba l-imblukkar fit-toroq u l-linji tal-ferrovija.

Il-protesti bdew wara li ntemm l-kuntratt tal-kumpanija Consettur, li kienet qed topera x-xarabanks tat-turisti bejn Aguas Calientes u l-bieb ta’ Machu Picchu.

Minkejjja li d-distrett diġà ħatar kumpanija oħra sabiex tieħu f’idejha s-servizzi tax-xarabanks, ir-residenti tal-lokal opponew din id-deċiżjoni u ma ħallewx ix-xarabanks il-ġodda jibdew jaħdmu.

Is-sit ta’ Machu Picchu kienet intgħażlet bħala waħda mis-Seven Wonders fl-2007 u nbniet fis-seklu 15, fejn tibqa’ waħda mill-aktar attrazzjonijiet turistika magħrufa fil-Perù u fid-dinja, li tattira eluf ta’ viżitaturi kull sena.