Esperti li ħadmu fl-inkjesta tal-Vitals xehdu quddiem l-Imħallef Edwina Grima permezz ta’ video-conference hekk kif l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u diversi persuni oħra fosthom l-eks chief of staff Keith Schembru u l-eks Ministru Konrad Mizzi qed jikkontestaw ordni ta’ ffriżar mogħtija mill-Qorti.
Fil-Qorti, il-proċeduri dwar l-ordnijiet ta’ ffriżar relatati mal-każ tal-isptarijiet Vitals komplew l-Erbgħa, fejn l-akkużati qed jitolbu biex jitneħħu jew jitnaqqsu dawn l-ordnijiet ta’ ffriżar. Id-difiza ta’ Joseph Muscat bħal kumplament qed tisfida l-ordni ta’ qbid u ffriżar, fejn l-ammont stabbilit mill-prosekuzzjoni, fil-konfront ta’ Muscat, li huwa ta’ €30 miljun.
Fil-proċeduri kriminali li qed jitmexxew fil-Qrati Maltin b’rabta mal-ftehim tal-isptarijiet Vitals, minbarra Muscat, hemm akkużati fost oħrajn – Keith Schembri, eks Kap tas-Segretarjat tal-Prim Ministru Muscat, flimkien mal-eks ministru tal-enerġija u s-saħħa Konrad Mizzi, qed jiffaċċjaw ordnijiet ta’ ffriżar u sekwestru ta’ €30 miljun kull wieħed.
Dawn l-ordnijiet ingħataw bħala parti minn proċeduri kriminali estensivi li fihom l-imputati qed jiffaċċjaw akkużi serji ta’ ħasil ta’ flus, frodi, qligħ frawdolenti, konfoffa biex isir reat u anki parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali li fiha kien hemm aktar minn 10 membri.
L-akkużi jmorru lura għall-kuntratti kontroversjali marbuta mal-konsorzju Vitals Global Healthcare u aktar tard Steward Health Care, li kienu ngħataw il-konċessjoni biex imexxu t-tliet sptarijiet pubbliċi ewlenin ta’ Malta.
Huma qed jiffaċċjaw mhux biss akkużi ta’ ħasil ta’ flus, frodi, qligħ frawdolenti, konfoffa u parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, iżda wkoll akkużi ta’ korruzzjoni u aċċettazzjoni ta’ tixħim waqt li kienu jokkupaw karigi pubbliċi.
Magħhom hemm ukoll akkużati fost oħrajn l-eks Viċi Prim Ministru Chris Fearne u l-eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna. Il-prosekuzzjoni qed issostni li l-ftehim u t-tranżazzjonijiet relatati kienu mfassla biex jiffavorixxu individwi partikolari permezz ta’ frodi u ħasil ta’ flus, b’miljuni ta’ ewro pubbliċi allegatament imxerrdin jew misapproprjati.
Dawn l-ordnijiet ta’ ffriżar huma maħsuba biex jiżguraw li l-fondi jew l-assi tal-imputati ma jiġux trasferiti jew moħbija matul il-proċess kriminali. Fil-qorti, id-difiża ta’ dawn il-persuni qed tikkontesta kemm il-validità tal-akkużi kif ukoll il-provi mqiegħda quddiem il-Qorti, partikolarment ir-rapporti ta’ xi esperti maħtura mill-Qorti.
Hi ressqet talba ċara biex il-Qorti ma tqisx ir-rapport ippreparat mill-espert tal-Qorti Jeremy Harbinson fid-deċiżjoni tagħha dwar dawn l-ordnijiet ta’ ffriżar. Fl-awla numru 14 tliet esperti distinti — Allen Heath, David Wright u Gary Edward — ġew imsejħa biex jispjegaw ir-rwol tagħhom.
Mix-xhieda tagħhom ħareġ kif ix-xogħol tagħhom kien imqassam fuq ġbir, estrazzjoni u tħejjija ta’ data sabiex din tiġi mgħoddija lil Harbinson, li kien il-koordinatur tal-proċess u rappreżenta l-katina tal-esperti quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li kienet inkarigata bl-inkjesta.
Allen Heath spjega li l-informazzjoni li hu ġabar kienet tintbagħatlu mill-Maġistrat Vella permezz ta’ Harbinson, u li hu kien jagħmel ir-riċerka u jippreżenta data dwar persuni u kumpaniji ta’ interess. Meta ġie mistoqsi dwar min kienu dawn in-nies, qal li ma setax jiftakar ismijiet speċifiċi minħabba li l-lista kienet wiesgħa.
Żied li ma kellux aċċess għall-midja Maltija u li l-informazzjoni kollha kienet tgħaddi l-ewwel mill-Maġistrat u minn Harbinson, qabel tiġi mgħoddija lilu għall-analiżi. Dwar il-ħlas, qal li l-kumpanija tiegħu AH Training Solutions Ltd kienet tħallas għal dan ix-xogħol permezz ta’ trasferimenti minn Harbinson, u li l-kumpanija kienet inkorporata fl-2021, wara li kienet bidlet isimha għal raġunijiet ta’ taxxa.
David Wright, xhed wara fejn qal li r-rwol tiegħu kien li jfittex u janalizza data wara li kienet tiġi estratta, fuq indikazzjoni tal-Maġistrat Gabriella Vella u taħt il-koordinazzjoni ta’ Harbinson. Qal li kien involut ukoll f’tfittxijiet f’uffiċċji relatati ma’ Joseph Muscat, imma fl-istess waqt stqarr li ma kienx hu li indika n-nies jew il-kumpaniji ta’ interess, iżda dejjem imexxi fuq dak li kien jintalab jagħmel.
Anke hu rċieva l-ħlas tiegħu permezz tal-kumpanija tiegħu Kircon Management Ltd, li nħolqot f’Settembru tal-2021, u mbagħad kien Harbinson li jressaq il-kontijiet quddiem il-Qorti. Wright żied jgħid li kien ukoll irriveda rapport ta’ esperta oħra, magħrufa bħala Mira, fuq talba tal-Maġistrat.
It-tielet xhud, Gary Edward, qal li kien responsabbli mill-estrazzjoni u l-ipproċessar tad-data minn servers qabel din kienet tintbagħat lil Harbinson. Qal li kien jivverifika biss li d-data kienet estratta sew iżda ma kienx iħares lejn il-kontenut tagħha.
Huwa semma li rċieva data mingħand Keith Schembri u wkoll xi ammont żgħir mingħand Joseph Muscat, iżda saħaq li hu kien sempliċement jgħaddi l-informazzjoni kif kienet. Edward stqarr li ma ffirmax ir-rapport finali ta’ Harbinson u lanqas ma ra l-verżjoni finali tiegħu.
Mill-proċeduri ħareġ ukoll li dawn il-kumpaniji – dik ta’ Heath u dik ta’ Wright – ġew inkorporati fi spazju ta’ ftit ġimgħat minn xulxin fl-2021, jiġifieri fi żmien qrib l-aħħar tal-inkarigu ta’ Harbinson fuq din l-inkjesta.
Id-difiża qajmet dan il-punt bħala osservazzjoni fil-Qorti, u għamlet referenza wkoll għall-fatt li l-ħlasijiet kollha kienu jgħaddu b’mod indirett permezz ta’ dawn il-kumpaniji u mhux personalment. Fost l-akkużati hemm ukoll Clarence John Conger Thompson, Mario Victor Gatt, MTrace plc, Karl Cini, Nexia BT, Brian Tonna, David Joseph Meli, Keith Schembri, Kasco Engineering Company Limited and FSV Limited.
L-avukati Francesco Refalo, Rebecca Spiteri u Shelby Aquilina f’isem l-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Wayne Rodney Borg qed imexxu l-prosekuzzjoni. L-Avukati Shazoo Ghaznavi, Alex Scerri Herrera, Jessica Formosa u Jeannine Depasquale qed jidhru għal Bhatti u Ali. L-Avukati Gianella De Marco u Charles Mercieca qed jidhru għal David J. Meli.
L-Avukati Franco Debono u Stefano Filletti qed jidhru għal Alfred Camilleri. L-Avukat Chris Cilia u Arthur Azzopardi qed jirrapreżentaw lill-kumpanija MTrace. L-Avukati Jason Grima qed jidher għal Christopher Spiteri filwaqt li l-Avukat Stephen Tonna Lowell qed jidher għal Chris Fearne u Edward Scicluna. Il-każ dwar l-iffriżar tal-assi se jkompli fl-10 ta’ Ottubru li ġej fid-9.30am.