Lokali Parlament

Ian Borg wieġeb dwar Kemmuna, il-Ġappun u t-tonn fiċ-Ċina iżda mhux dwar l-istima moħbija tal-Fortina; “ma jafx” meta u jekk rahx din l-istima

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg sab ħin iwieġeb fil-Parlament dwar ir-relazzjonijiet ta’ Malta mal-Ġappun, dwar Kemmuna u dwar it-tonn Malti fiċ-Ċina iżda ma weġibx u ma tax dettalji dwar l-istima li baqgħet moħbija fl-iskandlu tal-Lukanda Fortina.

Kienu d-deputati Nazzjonalisti Beppe Fenech Adami u Darren Carabott li fil-ħin tal-mistoqsijiet staqsew lid-Deputat Prim Ministru Ian Borg dwar meta sar jaf bir-rapport u l-istima li għamlet l-Awtorità tal-Artijiet fil-konċessjoni tal-Lukanda Fortina; liema rapport baqa’ moħbi. Id-deputati Nazzjonalisti staqsew ukoll jekk id-Deputat Prim Ministru Ian Borg kienx jaf b’din l-evalwazzjoni qabel is-seduta parlamentari.

Beppe Fenech Adami u Darren Carabott ġibdu l-attenzjoni tad-Deputat Prim Ministru li r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-Lukanda Fortina jispeċifika li hu qatt ma qal li ma kienx jaf li kien hemm it-tieni rapport iżda li ma jiftakarx meta fil-fatt rah u jekk rahx qabel jew wara s-seduta parlamentari li fiha kienet approvata l-konċessjoni.

Dan juri li l-Ministru Borg kien jaf bir-rapport iżda ma kienx ċert meta rah, sostnew id-deputati Nazzjonalisti, li staqsew ukoll lill-Ministru Borg jekk kif jaf għax ra r-rapport li kien hemm stima moħbija, kif m’għamel xejn dwarha fl-aħħar sitt snin.

Id-Deputat Prim Ministru wieġeb li ċ-Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi kien informa lill-membri kollha tal-Bord li qed jikkummissjona dan ir-rapport u għalhekk kulħadd kien jaf li dan ir-rapport kien ikkummissjonat.

Ħafna nies kienu jafu li l-Awtorità tal-Artijiet talbet evalwazzjoni dwar din il-konċessjoni, sostna Ian Borg, li qal li s’issa hu u l-membri tal-gvern għadhom ma rawx ir-rapport. L-Awditur jista’ jġib it-tapes u jsemmagħhom lill-Oppożizzjoni u mhux il-Parlament joqgħod fuq dak li hemm miktub fir-rapport, sostna Ian Borg, li kompla li ħadd ma kellu quddiemu dawn l-istimi.

Din hi opportunità għaliex il-Gvern għandu intenzjonijiet tajbin li issa jara din l-istima biex fis-6 ta’ Ottubru 2025 tkompli d-diskussjoni fil-Kumitat tal-Verifika biex ikun stabbilit jekk il-Lukanda Fortina ħallsitx l-ammont stabbilit; jekk le irid ikun hemm ir-rimedji meħtieġa.