Lokali

Il-ħaddiema ma jistgħux jafdaw lill-Partit Laburista li bil-kliem iwiegħed mod u bil-fatti jagħmel mod ieħor – PN

Fit-22 ta’ Marzu 2022, erbat ijiem biss qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Ministru għall-Ambjent ta’ dakinhar Aaron Farrugia wiegħed lill-ħaddiema li jipprovdu servizz ta’ Enforcement Officer lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kundizzjonijiet speċifiċi relatati mal-ħinijiet tax-xogħol.

Għaddiet l-elezzjoni u dawk il-wegħdiet spiċċaw fix-xejn. Minflok ma ġew rispettati, il-ħaddiema sabu ruħhom f’kundizzjonijiet differenti minn dak li wegħedhom il-Ministru waqt il-kampanja elettorali.

Dawn l-impjegati, flimkien, ressqu petizzjoni quddiem il-Ministru Miriam Dalli u quddiem il-Prim Ministru Robert Abela. Madankollu din il-petizzjoni u l-talbiet tagħhom ġew injorati għalkollox. Għaddiet l-elezzjoni u ntesew il-wegħdiet.

Illum il-UĦM Voice of the Workers, li tirrappreżenta lil dawn il-ħaddiema, ħadet l-uniku pass li kien fadal biex tikseb għall-ħaddiema dak li kien imwiegħed lihom billi ħabbret azzjoni industrijali fil-forma ta’ strajk.

Il-mod kif aġixxa l-Gvern ma’ dawn il-ħaddiema hu xhieda ċara ta’ nuqqas ta’ serjetà u ta’ rispett lejn min joħroġ għall-ġurnata tax-xogħol tiegħu biex jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum. Dan minn Gvern Laburista li jwiegħed ħafna u mbagħad ma jtikx dak li ħaqqek. 

Il-Ministri tal-Gvern Laburista ma jiddejqu xejn jgħaddu ż-żmien bil-ħaddiema u jibagħtu l-ittri b’ħafna wegħdi sbieħ qabel elezzjoni, imma maż-żmien il-wegħdiet jintesew u l-ħaddiema jintesew magħhom.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ iħares l-interessi u d-drittijiet tal-ħaddiem Malti. Kemm mill-Gvern u kemm mill-Oppożizzjoni dejjem ħadem biex kull ħaddiem ikollu kundizzjonijiet ta’ xogħol ġusti, siguri u stabbli.

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem b’ħiltu kollha sabiex kull ħaddiem ikollu kundizzjonijiet tax-xogħol eċċellenti għall-ħaddiema, aktar produttività u kompetittività għall-imprendituri, u kundizzjonijiet ta’ xogħol xierqa u flessibbli biex kull persuna tkun tista’ tgawdi d-dritt tagħha ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin mal-familja.

Dan intqal fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo u x-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg.