Lokali

Il-Maltin u l-Għawdxin jibqgħu jitħabtu mal-għoli tal-ħajja hekk kif pajjiżna jibqa’ jirreġistra żidiet fil-prezzijiet – PN

L-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru b’mod ċar kif l-għoli tal-ħajja f’pajjiżna qed ikompli jolqot ħażin lill-familji, l-anzjani u ż-żgħażagħ, li qed ikomplu jħabbtu wiċċhom ma’ prezzijiet dejjem jogħlew. F’Awwissu, ir-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta laħqet il-livell ta’ 2.7%, ogħla mir-rata medja tal-Unjoni Ewropea (2.4%) u mir-rata taz-zona ewro (2%).

Meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra Ewropej, id-differenza hi inkwetanti: fil-Ġermanja r-rata kienet ta’ 2.1%, fl-Irlanda 1.9%, fi Franza 0.8% u fl-Italja 1.6%. Waqt li f’ħafna minn dawn il-pajjiżi r-rati qed jonqsu minn xahar għal ieħor, f’Malta l-prezzijiet qed ikomplu jisparaw ’il fuq. Fil-fatt bħala medja kemm fl-UE u anke fil-pajjiżi tal-ewro, l-għoli tal-ħajja baqa’ stabbli fuq ix-xahar ta’ qabel, imma f’Malta r-rata żdiedet sew fuq Lulju kif ukoll fuq l-istess xahar is-sena ta’ qabel.

Dan ifisser li filwaqt li l-Gvern Laburista qed jagħti art tal-poplu lill-ftit magħżulin għal terz tal-prezz, il-familji u l-ħaddiema qed ikomplu jħallsu l-kontijiet ogħla u jixtru proprjetà bi prezzijiet li ma jintlaħqux. Din hi serqa diretta mill-but tal-poplu.

Quddiem dawn iċ-ċifri, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg f’kumment fuq il-midja soċjali qal li bħala ċittadin li jgħix l-istess realtajiet tan-nies, jifhem il-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-Maltin u l-Għawdxin. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem u jfassal politika li tista’ tagħti ħajja aħjar lill-poplu Malti.

Il-Partit Nazzjonalista diġà ressaq proposti konkreti biex jitnaqqas il-piż tal-għoli tal-ħajja, fosthom:

·          It-tneħħija tat-taxxa fuq iż-żieda tal-għoli tal-ħajja (COLA), sabiex il-ħaddiema jgawdu miż-żieda kollha.

·          Eżenzjoni mit-taxxa fuq l-ewwel €10,000 mill-overtime u l-part-time.

·          Krediti tat-taxxa għall-intrapriżi żgħar u medji biex ma jkunux sfurzati jgħollu l-prezzijiet biex jikkumpensaw għall-ispejjeż ogħla.

·          Fond nazzjonali biex jappoġġja industriji li jimportaw u jesportaw, biex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasport

·          Mudell ekonomiku ġdid u sostenibbli, ibbażat fuq setturi ta’ valur miżjud li joħolqu impjiegi ta’ kwalità b’pagi aħjar u aktar produttività.

Il-Partit Nazzjonalista, immexxi minn Alex Borg, jibqa’ determinat li jkompli jagħmel pressjoni fuq il-Gvern biex ma jħallix lill-familji jegħrqu taħt il-piż tal-għoli tal-ħajja u biex jittieħdu miżuri serji u effettivi li tassew jagħtu nifs lin-nies.