Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista biss jiddetta l-aġenda tiegħu” – Il-Kap tal-PN Alex Borg

L-Erbgħa waranofsinhar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ġie mistieden fuq il-programm F Living għal intervista ma’ Karl Bonaci.

Intervista fejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem fuq bosta suġġetti kurrenti fejn elenka dwar il-viżjoni tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista fuq materji bħall-korruzzjoni, il-liġi tal-finanzjament tal-Partit, l-abort, ix-Shadow Ministers fost l-oħrajn.

Waħda mill-ewwel mistoqsijiet li saret lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista kienet propju dwar ir-reshuffling fi ħdan id-deputati. Intant, huwa qal kif qed isejjaħ laqgħat mad-deputati, u f’qasir żmien ser ikun qed iħabbar it-tibdil li hemm bżonn. Qal ukoll li minħabba l-fatt li l-elezzjoni tinsab wara l-bieb mhux ser jagħmel tibdiliet drastiċi fid-dekasteri.

Intant, Alex Borg kemm-il darba semma’ li jixtieq jiddedika portafolli ġodda bħalma huma s-solitudni u l-AI, li dawn ser ikunu nklużi fix-shadow kabinet il-ġdid.

Il-Partit Nazzjonalista tul dawn l-aħħar snin kritika l-mudell ekonomiku tal-Partit Laburista u meta Alex Borg ġie mistoqsi fuq dan huwa wieġeb li ser jimxi ‘l bogħod mill-popoliżmu u ser jimxi fuq il-fattwalità.

Fost bosta proposti sabiex tonqos il-popolazzjoni u d-dipendenza mill-barrani, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista propona, l-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel tal-Isnajja u paga minima lill-istudenti li jkunu qed jistudjaw fis-settur tas-saħħa, kif ukoll xogħol garantit la darba jiggradwaw.

Alex Borg tkellem ukoll dwar il-każ ta’ frodi fil-każ żvelat aktar kmieni din il-ġimgħa, tal-Fortina. Intant, waqt li Alex Borg seta’ qagħad gallarija fl-ewwel jum tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament, hu talab li ssir diskussjoni fil-Parlament u huwa għalhekk li qed jisħaqq li f’din il-paġna l-ġdida tal-PN ser ikun il-Partit Nazzjonalista nnifsu li ser jikteb l-aġenda. Turija ċara li l-Partit Nazzjonalista ser jibda jkun proattiv għall-Gvern Laburista.

Alex Borg elenka wkoll dwar id-dejn tal-Partit Nazzjonalista, fejn tenna li dan huwa ostaklu iżda hemm il-modi li wieħed jista’ jegħlbu.

Alex Borg wieġeb ukoll diversi telefonati mingħand in-nies.