“Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jiddefendi lill-poplu Malti u Għawdxi kollu għaliex il-Partit Nazzjonalista qed ikompli juri li huwa Gvern alternattiv b’saħħtu.”
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt attività soċjali li kellu l-Erbgħa filgħodu fejn saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jkun tarka għall-poplu kollu.
Quddiem dawk preżenti l-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-Kap uxxenti Bernard Grech tal-ħidma tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin filwaqt li qal li se jkompli jfassal politika fl-interess tal-poplu.


Apparti minn hekk, Alex Borg irrefera għall-aħħar skandlu tal-Partit Laburista b’rabta mal-art tal-Fortina filwaqt li insista li kull persuna responsabbli għandha ġġorr responsabbiltà. Huwa qal li dan l-iskandlu jkompli juri li Gvern Laburista ma jaħdimx fl-interess tal-poplu.
Hekk kif l-Indipendenza tinsab ftit jiem biss ‘il bogħod il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħeġġeġ lil dawk kollha preżenti sabiex jattendu l-mass meeting tas-Sibt li ġej sabiex ikompli joħroġ biċ-ċar li l-Partit Nazzjonalista huwa t-tama tal-poplu.
Intant, għal din l-attività soċjali l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-partner tiegħu Sarah Bajada kif ukoll mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello.
