Internazzjonali

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fi Kiev għal żjara uffiċjali

Il-President tal-Parlament Ewropew u MEP f’isem il-Partit Nazzjonalista, Roberta Metsola, tinsab fi Kiev fejn se tkun qed tħabbar il-ftuħ tar-rappreżentanza uffiċjali tal-Parlament Ewropew fl-Ukrajna. Sinjal ċar tal-preżenza u l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea għall-Ukrajna li għadha qed tiġi attakkata mir-Russja.

Ir-rappreżentanza uffiċjali tal-Parlament Ewropew li se tkun kollokata mad-delegazzjoni tal-UE fi Kiev, timmarka pass storiku fit-tisħiħ tar-rabtiet bejn il-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet tal-Ukrajna. Dan filwaqt li wkoll tenfasizza l-impenn tal-UE għall-futur tal-Ukrajna fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Fil-laqgħat tagħha mal-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy, il-Prim Ministru Svyrydenko u l-Ispeaker Rada Stefanchuk, kif ukoll mal-mexxejja tal-fazzjoni u tal-Gruppi tal-Verkhovna Rada, Metsola mistennija tisħaq dwar l-appoġġ tal-Parlament Ewropew għal paċi, sforzi kontinwi biex tiddgħajjef il-gwerra tar-Russja permezz ta’ sanzjonijiet koordinati u b’saħħithom, kooperazzjoni parlamentari msaħħa u l-ħtieġa li navvanzaw fuq l-offerta tas-sħubija tal-Ukrajna.