Ilbieraħ, it-Tlieta 16 ta’ Settembru, fil-jum iddedikat lil Birżebbuġa, il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa inawgura mafkar biex il-komunità tonora lill-pumpier Joseph Zammit, li tilef ħajtu sentejn ilu, fil-17 ta’ Settembru, waqt li kien qed jaqdi dmirijietu fit-tifi ta’ nar flimkien mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Joseph Zammit, li trabba u għex f’Birżebbuġa, kien magħruf ukoll għall-involviment tiegħu fil-festa tal-lokal, li kienet għal qalbu ħafna.
Iċ-ċerimonja ta’ inawgurazzjoni saret fi Ġnien l-Indipendenza, li għadu kif ġie rinovat, fil-preżenza tal-mara u wlied is-Sur Zammit, il-Kunsilliera, Ministri, Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra u numru ta’ mistednin distinti.
Il-mafkar, iddisinjat mill-Kav. Alex Caruana – li huwa wkoll kunsillier fil-lokal – jirrappreżenta tower ladder bħalma jużaw il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, bil-jib mgħolli bħala simbolu ta’ ġieħ u memorja eterna. Il-bandiera Maltija tfakkar is-servizz tiegħu lejn il-pajjiż, filwaqt li l-qafas f’forma ta’ djamant jissimbolizza l-valur mprezzabbli tal-għotja tiegħu.
Qabel iċ-ċerimonja, il-Kappillan ta’ Birżebbuġa, Dun Reuben Micallef, Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Pietru fil-Ktajjen, iċċelebra quddiesa tal-okkażjoni.
Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa jixtieq juri l-apprezzament tiegħu lejn il-familja ta’ Joseph Zammit u jfakkar fih bħala raġel ta’ kuraġġ u dedikazzjoni li se jibqa’ għal dejjem fil-memorja tal-komunità tagħna.
Iċ-ċelebrazzjonijiet ikomplu nhar is-Sibt, 20 ta’ Settembru, fl-istess Ġnien l-Indipendenza, fejn il-Kunsill Lokali se jorganizza serata mill-isbaħ li fiha se jingħataw diversi rikonoxximenti, fosthom il-premju prestiġjuż Ġieħ Birżebbuġa.
