Lokali

Ir-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta tibqa’ akbar minn dik fl-Ewropa

Statistika maħruġa mill-Eurostat tikkonferma li l-Gvern Malti mhux jirnexxielu jindirizza l-isfida tal-għoli tal-ħajja.

Dan b’kuntrarju għal pajjiżi bħall-Italja, id-Danimarka u saħansitra Ċipru illi qed ipoġġu din ir-realtà bħala prijorità għall-gvernijiet rispettivi u qed jimplimentaw strateġiji li jħallu riżultati.

L-istatistika Ewropea turi li r-rata tal-inflazzjoni f’Malta, għal darb oħra, hija ogħla mill-medja tal-Ewropa. Fi kliem sempliċi, il-piż tal-għoli tal-ħajja f’Malta huwa akbar mill-medja fil-bqija tal-pajjiżi Ewropej.

Fil-fatt, ir-rata tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna qiegħda fil-livell ta’ 2.7 fil-mija. Dan meta fl-Ewropa, ir-rata medja tal-inflazzjoni tinsab fil-livell ta’ 2.4 fil-mija, u fiż-żona ewro hija inqas – 2.1 fil-mija.

L-inqas rati tal-għoli tal-ħajja ġew reġistrati fl-Italja, Ċipru u Franza. Dan filwaqt li pajjiżi bħall-Irlanda, il-Portugall, Spanja u anke ir-Repubblika Ċeka għandhom rata ta’ inflazzjoni inqas minn Malta.

Anke ċ-ċifri maħruġa mill-NSO juru li rata tal-għoli tal-ħajja għax-xahar ta’ Awwissu kienet għolha minn dik ta’ Lulju. B’żieda ta’ 0.2 fil-mija iktar. Apparti min hekk, kontra l-medja Ewropea, r-rata f’Malta minn Marzu li għadda kompliet tgħolli rasha, hekk kif f’Marzu kienet ta’ 2.1 fil-mija u issa, f’Awwissu reġgħat sparat għal 2.7 fil-mija – Anke jekk il-medja Ewropea rat tnaqqis.

Bil-Medja Ewropea minn Marzu lil hawn naqset b’0.1 fil-mija, f’Malta mhux talli ma naqsitx iżda minn Marzu għoliet b’0.6 bil-mija. Bl-istatistika tal-Eurostat turi kif din hija rata saħansitra ogħla mir-rata reġistrata f’Awwissu tas-sena l-oħra.