Lokali

Is-sewqan eċċessiv u l-abbuż tas-sustanzi mhumiex aċċettabbli u jwasslu għal traġedji

Albert Buttigieg, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg sostna fil-Parlament li rridu nwasslu l-messaġġ ċar lis-sewqan eċċessiv u l-abbuż tas-sustanzi mhumiex aċċettabbli u jwasslu għal traġedji.

Hu qal li dan l-abbozz tressaq wara li f’dawn l-aħħar xhur seħħew diversi inċidenti, xi wħud anke fatali, propju minħabba l-użu u l-abbuż tas-sustanzi waqt is-sewqan.

Filwaqt li hemm qbil fil-prinċipju fuq dan l-abbozz, il-gvern qiegħed jipproponih bħala reazzjoni għal dak li ġara. Għal darba oħra dan il-Gvern qiegħed imexxi l-pajjiż mhux daqstant bi pjan fit-tul u ħolistakment imma b’reazzjoni tal-opinjoni pubblika.

Meta fil-Parlament saret id-diskussjoni dwar l-introduzzjoni tal-użu tal-kannabis, il-PN ġibed l-attenzjoni tal-Gvern fuq din l-eventwalità iżda l-Gvern mhux biss irrisponda b’mod vag għall-aħħar imma saħanistra qal li l-PN qed jallarma lill-poplu.

Id-deputat Nazzjonalista qal li issa l-Gvern qiegħed jagħmel ‘u turn’ għalkemm ‘Better late than never’. Jeħtieġ issa ħidma fuq il-ħtieġa tar-revenzjoni bl-edukazzjoni u l-infurzar. Hemm ħtieġa li tingħata l-informazzjoni kollha b’mod ċar u bil-lingwaġġ li wieħed jista’ jifhem. Għandha tingħata l-informazzjoni ta’ kif taħdem kull sustanza, x’effetti li kull sustanza tħalli fiżikament, mentalment u fuq il-moods tal-persuna.

Jeħtieġ ukoll li kull persuna tkun konxja mhux biss fuq liema huma l-konsegwenzi tal-abbuż ta’ kull sustanza imma wieħed x’jista’ jagħmel biex inaqqas il-ħsara. Wasal iż-żmien li dan it-taħriġ ikun b’mod obbligatorju għal kull student?

Wasal iż-żmien li min qiegħed jitgħallem biex iġib il-liċenzja tas-sewqan għall-ewwel darba jkollu dan it-taħriġ ta’ informazzjoni? Wasal ukoll iż-żmien li meta wieħed irid iġedded il-liċenzja tas-sewqan, ikollu bżonn ikollu refresher course li jkollu din l-informazzjoni kollha?

Il-prevenzjoni tfisser ukoll lit-tfal u ż-żgħażagħ jitgħallmu minn età kmieni li biex wieħed jieħu gost ma għandhux għalxiex jabbuża.

Hu qal li f’pajjiżna għandna l-kultura ta’ xorb eċċessiv u aggressiv b’diversi attivitajiet li propju jippromovu dan ix-xorb eċċessiv. Dan meta l-abbuż tal-alkaħol huwa l-akbar problema soċjali fil-pajjiż u huwa l-kawża ta’ diversi problemi soċjali oħrajn, fosthom il-vjolenza domestika, ġlied u vandaliżmu.

Wasal iż-żmien li nilqgħu s-suġġeriment tal-Caritas li talbet li l-età tax-xorb tiżdid minn 17 għal 18-il sena?

Hu qal li l-Ministru tat-Trasport tkellem dwar proposta liż-żgħażagħ ta’ 17-il sena jingħataw liċenzja li jsuqu – dak li l-Italja jsejħulhom ‘motorini’.

Albert Buttigieg qal li issa li l-Gvern daħħal il-liġi tal-kannabis, għandu responsabbiltà lejn min jagħmel użu minnha. Dan ifisser li jekk l-użu tal-alkaħol hemm ċertu limitu sakemm wieħed jista’ jixrob u sakemm wieħed ma jaqbiżx dan il-limitu jista’ xorta jsuq il-vettura, il-Gvern għandu juża l-istess riga u loġika fil-konfront tal-kannabis.

Fi kliem ieħor, hemm certu threshold li wieħed ma jistax jaqbeż u xorta jista’ jsuq. Din il-proposta tinsab f’diversi pajjiżi li illegalizzaw il-kannabis. Imma jekk il-gvern ser jieħu din il-proposta, imbagħad irid jara li jinfurza bis-saħħa kollha.

Hu sostna li n-nuqqas ta’ infurzar tal-liġijiet hi qawwija f’pajjiżna. In-nuqqas ta’ infurzar fil-każ tal-użu tal-kannabis hija eżempju ċar. Kull fejn tmur wieħed ixomm riħa qawwija ta’ konsum ta’ kannabis. Hemm minn saħansitra ma jistax joħroġ fil-gallerija jew bitħa li ma jxommx dawn l-irwejjaħ. Għalhekk jekk ser ikun hemm limitu, bħalma jiġri fil-każ tal-alkaħol, il-ligi tkun infurzata.