Sport Waterpolo

Karl Izzo jinħatar membru fil-Kumitat Tekniku tal-Water Polo tal-World Aquatics

Il-President tal-Aquatic Sports Association ta’ Malta Karl Izzo inħatar membru fil-Kumitat Tekniku tal-Water Polo tal-World Aquatics. Dan il-kumitat hu responsabbli mill-iżvilupp u l-promozzjoni tal-format il-ġdid tal-waterpolo, il-4×4, bil-għan li tiżdied il-preżenza ta’ dan l-isport madwar id-dinja.

Il-format WP4, hu ddisinjat bil-għan li jagħmel il-logħba aktar mgħaġġla u aktar aċċessibli, kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel. Dan l-isport mistenni jkun wieħed mid-dixxiplini fil-Commonwealth Youth Games 2027 li se jsiru f’Malta.

Il-ħatra ta’ Izzo f’kariga prestiġjuża bħal din tirrifletti ix-xogħol u l-kontribuzzjoni tiegħu lejn l-isport tal-waterpolo f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. Din il-ħatra tfisser ukoll li Izzo se jkollu involviment dirett fl-istrateġija u d-direzzjoni li se jieħu dan l-isport fis-snin li ġejjin. Dan filwaqt li tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta fl-isport tal-waterpolo fuq livell internazzjonali.