Lokali Qorti

Mixli li kkaġuna ġrieħi gravi fuq is-sieħba tiegħu

Żagħżugħ ta’ 23 sena mis-Sirja u residenti Marsaskala tressaq il-Qorti akkużat li kkawża ġrieħi gravi lis-sieħba tiegħu waqt inċident ta’ vjolenza domestika li seħħ fit-9 ta’ Settembru. Il-prosekuzzjoni spjegat li l-imputat kien f’relazzjoni mal-vittma, iżda l-koppja kellhom storja ta’ tensjonijiet u tilwim li ilu sejjer.

Skont il-provi, il-jum tal-inċident l-akkużat allegatament weġġa’ gravement lis-sieħba tiegħu b’mod li l-awtoritajiet iddeskrivew bħala atti ta’ vjolenza serji u bla raġuni. Il-vittma rriżultat b’feriti li tqiesu bħala gravi mill-professjonisti mediċi.

Ix-xhieda indikaw ukoll li kien hemm kunflitti finanzjarji fil-koppja, inkluż li allegatament l-akkużat ħadilha €200 minn revolut wara li hi tagħtu l-password tagħha. Hemm allegazzjonijiet ukoll li l-akkużat għamel użu ħażin minn mezzi ta’ komunikazzjoni, billi bagħat messaġġi u kkomunika mal-vittma kontra r-rieda tagħha.

Rapporti juru li qabel il-każ, il-vittma kienet ilha tesperjenza vjolenza u pressjoni psikoloġika mill-akkużat. Meta l-Pulizija ppruvat tikkuntattjah, qalilhom li kien Għawdex, u hawn qalulu biex imur id-depot u baqa; ma marx.

Meta ppruvaw jaqbduh l-akkużat ma rrispondiex u allegatament tefa’ l-mobile biex jaqta’ kull komunikazzjoni. Saret talba għall-ħelsien mill-arrest minn naħa tad-difiża li kienet oġġezzjonta bil-qawwa kollha mill-prosekuzzjoni.

Dan għaliex meta ġie arrestat, irriżulta li ma kellux residenza stabbli f’Malta u li xogħlu fil-qasam tal-kostruzzjoni kien sporadiku u mhux regolari. Ingħad ukoll mill-prosekuzzjoni li ż-żagħżugħ mhux persuna affidabbli għax lanqas biss mar id-depot meta kien mitlub u li m’għandux rabta ma’ Malta.

Id-difiża sostniet li l-vittma stess kienet ċaħdet li għandha biża’ immedjata mill-imputat u anzi l-koppja marru flimkien għand l-avukat tagħhom jumejn biss qabel il-każ. Id-difiża enfasizzat ukoll li l-akkużat kellu xi forma ta’ xogħol u ma kellux preġudizzji kriminali.

Għalkemm huwa ppreżenta kondotta nadifa, il-Qorti nnotat li m’għandux rabtiet sodi mal-pajjiż u għalhekk jeżisti riskju ta’ ħarba. Il-Maġistrat Rachel Montebello qalet li ma kinitx sodisfatta bl-assigurazzjonijiet tal-imputat, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ residenza stabbli u l-assenza ta’ rabtiet sinifikanti ma’ Malta.

Għalhekk, irrifjutat it-talba għal ħelsien mill-arrest u ordnat li l-akkużat jibqa’ taħt arrest. Barra minn hekk, ġiet imposta ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma, li tipprojbixxi lill-akkużat milli jikkuntattja jew jibgħatilha messaġġi sakemm l-ordni tibqa’ fis-seħħ.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit flimkien mal-Avukati Crista Spiteri Lucas u Deborah Polidano filwaqt li għall-akkużat dehru l-Avukat Noel Bianco u Adriano Spiteri.