Opinjoni

OPINJONI: B’dover, niġġieldu kontra l-korruzzjoni

Ir-rapport tal-NAO dwar il-Fortina juri ċar li kien hemm differenza kbira bejn dak li l-Lands Authority tħallset u dak li stmat l-istess art skont valur raġjonevoli

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni
u s-Snajja’

Fis-snin riċenti, il-poplu Malti ra diversi każijiet kif proprjetà u art pubblika tista’ tintuża b’modi li jħallu dubji serji fuq it-trasparenza fil-governanza.
Il-każ riċenti tal-Fortina f’Tas-Sliema beda jikxef ukoll dan in-nuqqas, hekk kif ir-rapport tal-Awditur (NAO) żvela li l-valutazzjoni esterna tistma din l-art aktar minn 18-il miljun ewro.
Madankollu, fl-2019 il-Parlament approva li l-Fortina tista’ iżżid żvilupp ta’ appartamenti u attivitajiet kummerċjali fuq dik l-art pubblika — iżda taħt kundizzjoni ta’ ħlas ta’ €8.1 miljun, jiġifieri għal €12.9 miljun anqas minn dak li huwa dovut lill-poplu Malti.
Ir-rapport tal-NAO jelenka kif Lino Farrugia Sacco, li kien imexxi l-Lands Authority, kien il-persuna li kellha r-rapport li stima l-valur ta’ €18.34 miljun, iżda ħadd mill-entitajiet pubbliċi ma ġie infurmat b’dan il-valur.
Farrugia Sacco kien qal li r-rapport kien għadu għall-verifika meta kien diġà f’idejh u b’hekk żgwida lill-Parlament. Rapport ieħor juri l-istess waqt il-Lands Authority internament ippreparat stima ferm anqas li taqbeż it-8 miljuni.
Dan l-istess rapport kien ukoll mgħoddi lil Keith Schembri, li dak iż-żmien kien esponent ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dan l-ammont kien dak li ġie approvat mill-Parlament — mela, fi kliem aktar sempliċi, Keith Schembri intenzjonalment qarraq bil-Parlament u ħeba l-valur proprju biex l-art tinbiegħ u tingħata b’telf ta’ miljuni kbar minn fuq il-poplu Malti.
Ikun inutli li llum Schembri jgħid li ma kienx involut direttament meta huwa ċar u ovvju, li, intenzjonalment, aġixxa kontra l-poplu Malti u ffaċilità ftehim li jmur kontra l-Maltin u l-Għawdxin iżda favur dawk tal-qalba.
Din hija biss il-karatterstika sinonima tal-Labour ta’ Muscat u Schembri li sal-lum għadha qed tiddomina.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dawk responsabbli għan-nuqqasijiet indikati mir-rapport għandhom iwieġbu għalihom. Huwa insista li l-rapport ma jgħidx li hemm prova ta’ profitt personali għal xi persuna rilevanti, iżda li hemm nuqqasijiet amministrattivi li għandhom ikunu investigati. Bejn dak li qal il-Prim Ministru u bejn dak li effettivament se jsir, hemm ħafna differenza.
Jidhirli li dan il-każ mhuwiex biss dwar kwistjoni teknika ta’ valutazzjoni proprjetarja, iżda jwassal għal mistoqsijiet fundamentali li jxaqilbu lejn il-korruzzjoni istituzzjonalizzata li tant tkellimna dwarha f’dan iż-żmien li fih saret din is-serqa. Hawnhekk naraw kif il-prinċipju tal-valur ġust għall-art tal-poplu twarrab biex jibbenifika minnu wieħed minn tal-qalba; kif ir-responsabbiltà legali u morali ta’ min kellu d-dmir jiddefendi l-art tal-poplu u kellu wkoll kariga pubblika sabiex jassigura dan aġevola lil wieħed minn tal-qalba u mhux lill-poplu; u kif saru tentattivi koordinati biex proċess li kellu jkun trasparenti skont proċeduri ċari u esposti għall-Parlament inżammew moħbija intenzjonalment biex issir din is-serqa.
Mela, ir-rapport tal-NAO dwar il-Fortina juri ċar li kien hemm differenza kbira bejn dak li l-Lands Authority tħallset u dak li stmat l-istess art skont valur raġjonevoli. Id-definizzjoni ta’ “soppressjoni” li tidher fir-rapport, kif ukoll l-involviment malizzjuż ta’ uffiċjali għolja fil-proċess biex jikkorrompu lill-Parlament u lill-poplu Malti, ibiegħdu dan il-każ minn sempliċment argument dwar art pubblika mogħtija b’anqas flus biex jiggwadanjaw dawk qrib l-uffiċċju tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien. Dan kollu jikkonferma l-era sewda li Malta għaddiet minnha taħt il-Labour ta’ Muscat u Schembri u kif il-korruzzjoni istituzzjonalizzata kienet prattikata b’mod sfaċċat f’wiċċ il-poplu Malti. Mela, hawnhekk jidħlu kwistjonijiet ta’ etika, ta’ kontabbiltà, u ta’ governanza pubblika. Il-poplu li jrid ġustizzja u trasparenza jistenna lill-Prim Ministru jaġixxi kontra dawk li serqu minn ħalq il-poplu.
Il-Partit Nazzjonalista lbieraħ wera b’mod ċar li se jkompli jiġġieled kontra dan is-serq. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg sejjaħ id-deal tal-Fortina bħala każ ċar fejn l-art pubblika ngħatat bħala rigal. Huwa fil-fatt insista li qatt m’għandha tingħata jew tinbiegħ bi prezz li ma jirriflettix il-valur veru tagħha, u wisq anqas lin-nies jew kumpaniji viċin il-Gvern. Kien għalhekk li talab li tinfetaħ investigazzjonijiet formali sabiex jiġi stabbilit min kien responsabbli li għatta jew issoppressa l-valutazzjoni ogħla biex dan id-deal jgħaddi b’telf kbir għall-poplu. Għal dan, se jsib l-Oppożizzjoni kollha warajh.
Il-ġlieda tagħna kontra l-korruzzjoni għandha tibqa’ għaddejja dejjem, għax il-poplu jixraqlu aħjar.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 17 ta’ Settembru, 2025.