Opinjoni

OPINJONI: Dan hu l-mument biex nirbħu

F’dawn l-aħħar ġranet, it-tesserati tal-PN għamlu għażla kruċjali. B’kuraġġ u b’sens qawwi ta’ realtajiet ġodda, il-PN eleġġa lil Alex Borg bħala l-Kap il-ġdid tiegħu

Liam Sciberras
Il-President
Kulleġġ Kunsillieri Lokali
Partit Nazzjonalista

Din mhix biss bidla fil-persuna; hija bidla fil-momentum, fil-mod kif nikkomunikaw, u fuq kollox, fil-mod kif noffru viżjoni ġdida għall-pajjiżna.
Qabel xejn, irrid nirringrazzja ukoll lil Adrian Delia, li kkandida ruħu għal din l-elezzjoni interna, fejn it-tnejn li huma qajmu entużjażmu mill-aqwa u l-partitarji Nazzjonalisti ħassew spirtu kollettiv ġdid sabiex il

Partit Nazzjonalista ser jimxi ’l quddiem, flimkien.
Kien hemm min qajjem mistoqsijiet, u b’mod naturali hekk għandu jkun. Madankollu, f’dan il-mument storiku, ma nistgħux nibqgħu nippruvaw nasslu b’mentalità ta’ status quo. Din l-elezzjoni wriet b’mod ċar li l-poplu jrid politika ġdida: politika li tibni, b’onestà, u li twassal għal riżultati. L-enerġija ta’ Alex Borg hija friska – iżda aktar minn hekk, hija waħda li tifhem l-urġenza tas-sitwazzjoni li jinsab fiha l-pajjiż.
Kwotazzjoni li għoġbitni dan l-aħħar minn ktieb li kont qed naqra hija din:
“A leader is one who knows the way, goes the way, and shows the way” –
John C. Maxwell, kittieb Amerikan, famuż għal ktieb ‘The 21 Irrefutable Laws of Leadership: Follow Them and People Will Follow You’, jitkellem fuq il-kwalitajiet neċessarji li kull kap irid ikollu fosthom:
■ “The Law of the Lid”: L-effettività ta’ kap tiddetermina l-effettività tal-organizzazzjoni li wieħed imexxi. Nemmen li sabiex din tiġi riflessa fil-Partit Nazzjonalista, irridu nkunu lkoll effettivi fir-rwoli rispettivi tagħna.
■ “The Law of Influence”: Ir-rwol ta’ Kap mhux biss pożizzjoni, imma influwenza importanti. Bħala żagħżugħ tal-istess ġenerazzjoni, il-Kap Alex Borg, hawnhekk jeċċella, tant li jekk inħarsu lejn dak li ġara f’Għawdex, fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u MEP, ir-riżultat jitkellem waħdu.
■ “The Law of Solid Ground”: Il-fiduċja hija l-pedament ta’ kollox. Allura aħna l-partitarji Nazzjonalisti, irridu mhux biss nemmnu f’dak li nħaddnu, imma natwaw dak kollu li nistghu għal aqwa ġid tal-Partit Nazzjonalista, b’riżultat li pajjiżna jirbaħ.
■ “The Law of Process”: Leadership effettiva tikber kuljum, mhux f’ġurnata. Aħna, bħala Partit Nazzjonalista rridu nkunu katalisti sabiex din il-kwalità mhux biss insaħħuha, imma ngħixuha. U allura, dan kollu jiddependi minn kull wieħed u waħda minna, kemm jekk inti tesserat, kunsillier, kandidat, deputat, jew partitarju. Flimkien biss nistgħu niffjorixxu.
■ “The Law of Navigation”: “Kulħadd jista’ jinnaviga vapur”, però huwa l-kaptan li jidderieġi lejn fejn irridu mmorru. U huwa f’dan il-mument li l-viżjoni politika tiġi maħluqa. Il-poplu Malti u Għawdxi, għatxan għal din il-viżjoni u aħna obbligati li nagħtuha lil pajjiżna.
■ “The Law of Legacy”: Fl-aħħar u mhux l-inqas, aħna għasafar tal-passa u allura sabiex il-Partit Nazzjonalista jibqa’ effettiv, aħna obbligati naħdmu biex nibqgħu niġġeneraw mexxejja u politiċi ta’ għada. Dawn tal-aħħar, mhux bilfors iridu jkunu fuq il-mezzi soċjali, jew bil-mikrofonu f’idhom, anzi, huma l-mexxejja tagħna fit-toroq tal-ibliet u l-irħula tagħna li, b’persważjoni jistgħu jwasslu l-Partit Nazzjonalista għal rebħa elettorali li jmiss. Il-legat li l-Kap il-ġdid ser joħloq flimkien miegħu aħna lkoll, hija l-garanzija li pajjiżna jimxi ‘l quddiem.
Kif ktibt ftit xhur ilu, leadership b’saħħtu hija kkwantifikata b’elementi bħal kontabbiltà, trasparenza u b’viżjoni ċara. Qed ngħixu fi kriżijiet soċjali-politiċi li b’riżultat il-poplu Malti u Għawdxi jħossu vgat, li jwasslu għal sfidi aktar serji fosthom fis-saħħa mentali. Pajjiżna, politikament qiegħed f’salib it-toroq, fejn l-inġustizzji qed jikbru, iż-żgħażagħ qed jemigraw kuljum. Però mhux kollox huwa ħażin, dan għaliex illum nistgħu ngħidu li l-Kap ser ikun qed joħloq l-ispazji politiċi ġodda li jitrattaw dawn in-nuqqasijiet, sabiex ikun il-Partit Nazzjonalista li jagħti d-direzzjoni mill-ġdid u li l-poplu Malti u Għawdxi ser igawdi minnha.
Nemmen li l-bidla fil-Kap ser tkun opportunità biex intejbu d-djalogu intern fil-Partit. L-esperjenza tagħna f’dawn l-aħħar snin uriet li partit b’saħħtu jibda minn ġewwa. Għandna bżonn aktar sinerġija, u inqas egoċentriżmi – aħna lkoll mislufin f’din il-ħajja u la qegħdin naħdmu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, ħadd mhu akbar mill-istess partit.
Ma nistgħux ninsew li l-Partit Nazzjonalista ilu joffri alternattiva serja għal dak li qed jiġri fil-pajjiż. Fil-kliem tiegħi ta’ qabel:
“Politiku tajjeb ma jmexxix il-politika fil-preżenti biss, imma jkollu viżjoni lejn fejn irid jieħu s-soċjetà.”
Dak hu l-eżami reali; kif verament ser inwasslu riżultati li jħossuhom in-nies. Fiduċjuż li flimkien ser nagħmluha!
Bħala membru kemm fl-Amministrattiv, kif ukoll tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, inħoss responsabbiltà kbira li nappoġġja lil dan il-proċess ta’ tiġdid b’mod kostruttiv. Irridu, però, lkoll ningħadu daqs dik il-katina li żżomm il-bastiment trakkat fil-port u nkunu leali; mhux lejn l-individwi, imma lejn il-missjoni tagħna li nservu lill-poplu.
Il-Kap Alex Borg nagħtih il-kelma tiegħi: ser issibni warajk naħdem qatigħ għaliex hekk biss hemm bżonn biex il-familji Maltin u Għawdxin, jiggwadanjaw. B’riżultat allura mhux biss tkun ġejt elett bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni, imma ser tkun il-mużbieh li pajjiżna jixraqlu

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 14 ta’ Settembru, 2025..