minn Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
Kull fejn marru kellhom in-nies warajhom. Milqugħa minn ħafna, imdawra, introdotti u esposti għar-realtajiet tal-poplu tagħna.
Kampanja xejn faċli fix-xenarju sħiħ li fih żvolġiet. Lejn l-aħħar ta’ leġiżlatura, li ninsabu fiha. Fid-diffikultajiet li l-pożizzjoni elettorali kienet qed tkompli tressaq lejna.
Fil-prospett iktar ikkumplikat li minnu fuq naħa l-Gvern nieżel fl-ideat u l-ħeġġa, mentri fuq in-naħa l-oħra l-appoġġ elettorali għall-Partit baqa’ wieqaf.
Kien hemm bżonn
Minn dak li stajt nara b’għajnejja kien hemm lok għal dan il-pass. Ħeġġa kbira u entużjażmu li kont ilni ċertu snin ma nara quddiemi. Ħajra għal bidla.
Ħajra sabiex il-Partit jagħti lura tweġiba serja lill-elettorat tagħna. Użu intelliġenti tar-raġuni sabiex tinbena pjattaforma ġdida fuq dik li kellna biex nimxu sabiex inkunu alternattiva soda u kredibbli.
Użu tal-enerġija umana sabiex il-Partit ikun lura preżenti fit-toroq tas-soċjetà. Tul dawn ix-xhur twal tas-sajf, l-argumenti kienu marbuta ma’ din l-għażla xejn faċli.
Bnedmin, ġejjin minn fejn ġejjin, kienu moħħhom f’min għandu jintagħżel u min jista’ jservi l-aħjar fil-ħajja tal-istorja demokratika ta’ pajjiżna u tal-Partit.
F’dan diversi kienu qed iħossu li kien hemm dan il-bżonn. Wieħed li fortunatament seħħ u li qiegħed issa, biċċa biċċa, jibdel il-kamp politiku Malti.
Għażliet
Ħafna sabu, però, il-konfort ta’ ideat ġodda li esprimew iż-żewġ kandidati. Ħafna raw li l-Partit kien qiegħed jifhem l-iżbalji, u forsi aħjar, in-nuqqasijiet ta’ ġudizzju li kienu ttieħdu.
Ħafna tkellmu dwar dan u dak kollu li għaddejna fih fit-tmien snin preċedenti. Dawk li kienu kiefra u li ma wasslux għal progressi elettorali. Billi nqsamna u ġġelidna internament ma kellniex aktar min jivvutalna.
F’ħafna, dak li kien qed iseħħ kien qiegħed joħroġ bħala garanzija għall-Gvern biex jibqa’ fil-poter. Kien qiegħed jiddependi minna li nibqgħu fejn aħna sabiex hu jibqa’ fejn hu: fil-poter.
Dan fehmuh diversi, u għalhekk l-għażla bejn żewġ persuni validi ma kienet faċli xejn. Aktar u aktar meta ma sarx diskors żejjed.
Ħafna baqgħu indeċiżi sal-aħħarnett. Sejrin jivvutaw u għadhom mhux ċerti lil min u jekk dak li qed jaħsbu huwiex minnu verament. Ħafna kellmuni, u dan kullimkien. Eżerċizzju demokratiku fil-fond sħiħ tiegħu.
Ir-riżultat
Fil-fatt, ir-riżultat wera dan kollu. Iż-żewġ kandidati kienu ultra viċin ta’ xulxin fl-appoġġ tal-elettorat Nazzjonalista. Diversi fehmu kemm it-tnejn għandhom fuqhom il-piż tar-responsabbiltà.
Ħafna fehmu li, b’dak li ġara, ħadd ma ġie umiljat. Anzi, onorat bil-fatt li għal ftit voti, naħa jew oħra, il-bilanċ seta’ jinbidel faċilment.
Dak kabbarhom it-tnejn. M’hemmx linja politika li asseriet ruħha fuq oħra, imma dik li fehmet li hemm bżonn kollaborazzjoni.
Hemm bżonn li l-ideat sħaħ li ħarġu fil-kampanja jiġu f’daqqa. Hemm bżonn li jkun hemm forza unika li tissoda iktar ruħha. Għandna quddiemna dak li seħħ qabel, sija fil-Partit tagħna, kif ukoll fil-Partit Laburista. Ikun żball jekk ma neħdux l-aqwa lezzjoni minnhom.
Unità
F’dan hemm prijorità prinċipali: dik li l-Partit ikun magħqud. M’aħniex, kif stqarr San Pawl Missierna f’kuntest differenti, Insara ta’ Apollo jew ta’ Pawlu, imma ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Hekk aħna m’aħniex Nazzjonalisti ta’ Alex jew ta’ Adrian, imma tal-Partit Nazzjonalista. Hemm għajta kbira sabiex il-Partit ikun f’daqqa u kull membru tiegħu jingħata l-ġieħ u l-vuċi li ħaqqu.
Midja miftuħa għal kull persuna, ebda preferenza, integrità, ugwaljanza fil-libertà politika li naħdmu għaliha. Nifraħ niltaqa’ ma’ bnedmin varji li jridu dan mingħandna.
Nifraħ li jkun hemm din l-atmosfera demokratika li tagħmel il-ġid u ġġib lil kull persuna lura tipparteċipa. Jekk m’aħniex nifhmu dan il-mument partikolari nkunu qed nagħżlu li nitilfu opportunità unika.
Niftaħru
Niftaħru li aħna l-Partit tad-Demokrazija. Hekk konna, u hekk għandna nibqgħu nkunu. Biex inwettqu dan irridu nifhmu li għalkemm l-għażla kienet diffiċli f’min ikun Kap, għandha tkun naturali li l-bibien ikunu verament miftuħa għal kulħadd.
Il-Kap Alex Borg għandu diversi sfidi quddiemu, ċertament, u din il-pożizzjoni għandha tkun ta’ għajnuna għalih. Il-vuċi tal-Partit tasal bil-midja sħiħa, imma tasal ftit aktar bil-bnedmin li jiddiskutuha u jarawha li hija kredibbli, serja u li tista’ titwettaq.
L-għażliet tal-proposti tagħna, tal-bnedmin li jmexxu jridu jibqgħu fir-rankatura tal-proċess demokratiku li nqabad. Da parti tiegħi nemmen fihom kompletament.
Il-Partit, anzi aktar, jista’ jimxi f’daqqa fl-għarfien sħiħ li dan l-eżerċizzju demokratiku jrid jitkompla b’determinazzjoni. Hekk b’dan nistgħu nibdlu l-opinjonijiet tal-bnedmin. Hekk nistgħu nibdlu l-Gvern ta’ pajjiżna.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 14 ta’ Settembru, 2025.
//= $special ?>