Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li kkawża ġrieħi gravi f’wiċċ raġel ieħor

Raġel ta’ 53 sena minn San Ġiljan ingħata sentenza sospiża wara li ammetta li kkawża ġrieħi fil-wiċċ lil raġel ieħor waqt argument li seħħ f’Għargħur. Il-każ inqata’ fil-Qorti tal-Maġistrati quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, fejn ġie spjegat kif il-ġlieda nħolqot wara diskussjoni bejn il-vittma u l-akkużat, li għandhom l-għelieqi tagħhom ħdejn xulxin fil-lokalità.

Il-konfront spiċċa fi ġlieda fiżika nhar it-8 ta’ Settembru, li fiha l-vittma sofra ġrieħi gravi fil-wiċċ. Ir-raġel ġie akkużat ukoll li kkawża biża’ ta’ vjolenza fil-konfront tal-vittma, li għamel ħsara lill-proprjetà tiegħu, kif ukoll li hedddu u insulentah.

Waqt il-kumpilazzjoni, l-akkużat għażel li jammetti il-ħtija tiegħu mingħajr ma tkomplew l-proċeduri. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet fuq is-sentenza, il-Qorti imponiet piena ta’ sentejn ħabs sospiża għal erba’ snin. Barra minn hekk, ġiet imposta ordni ta’ trattament ta’ tliet snin fuq l-akkużat, kif ukoll ordni ta’ protezzjoni ta’ sentejn favur il-vittma sabiex jiġu evitati aktar kunflitti.

Il-Qorti ordnat ukoll li l-akkużat iħallas €1,849.10 b’danni lill-vittma bħala kumpens għall-ħsara kkawżata. Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Valentina Cassar u Miguel Taliana, bl-għajnuna tal-Ispettur tal-Pulizija Ylenia Maria Xerri. L-avukat Charles Mercieca deher għall-akkużat, filwaqt li l-vittma kien rappreżentat mill-avukat Pawlu Lia.