Armin Ernst, eks-CEO ta’ Steward Malta, ċaħad numru kbir ta’ akkużi relatati mal-ftehim kontroversjali tal-isptarijiet. Il-Ġermaniż ta’ 63 sena tressaq il-Qorti fuq bosta akkużi, kemm f’ismu personali kif ukoll bħala rappreżentant ta’ kumpaniji marbuta ma’ Steward, fosthom ħasil ta’ flus, korruzzjoni, kummerċ ta’ influwenza u approprjazzjoni indebita.
L-avukat tiegħu, Matthew Xuereb, qal lill-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, li l-klijent tiegħu kien qed jidher f’ismu personali u mhux bħala rappreżentant tal-kumpaniji, billi m’għadux rappreżentant legali ta’ Steward Health Care.
Suġġeriment mill-Avukat Ġenerali Shelby Aquilina biex Ernst jiġi mħarrek separatament mill-ko-akkkużati tiegħu ġie milqugħ, u saru wkoll il-korrezzjonijiet meħtieġa fl-akkuża. Dr. Xuereb insista li l-klijent tiegħu ma rċieva l-ebda disclosure u li l-informazzjoni kollha dwar il-każ kienet ġejja minn sorsi pubbliċi.
Ix-xhud Ispettur Wayne Rodney Borg spjega li hu kien qed jassisti lill-Maġistrat inkwirenti Gabriella Vella, u li l-inkjesta kienet inbniet fuq talba minn Repubblika, mingħajr investigazzjoni parallela mill-pulizija. Huwa kkonferma wkoll li Ernst, li kellu diversi rwoli fil-kumpaniji msemmija fl-inkjesta, qatt ma ġie mistoqsi mill-pulizija.
Il-Qorti ordnat ukoll sekwestru u ffriżar ta’ €20 miljun fuq l-assi tiegħu. Barra minn hekk, Ernst ġie marbut jidher għal kull seduta u ma jippubblikax xejn dwar il-proċeduri taħt garanzija ta’ €70,000. Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mis-Supretendent Hubert Cini u l-Ispettur Wayne Rodney Borg, flimkien mal-avukati tal-Avukat Ġenerali Shelby Aquilina u Rebekah Gatt. L-eks CEO kien assistit mill-avukati José Herrera u Matthew Xuereb.
//= $special ?>