Atletika Sport

Christian Micallef rebbieħ tal-5k run tal-Independence Day

Il-Kap Alex Borg jidher itemm it-tiġrija ta' ħames kilometri.
Il-Kap Alex Borg jidher itemm it-tiġrija ta' ħames kilometri.

Għal sena oħra kienet organizzata b’suċċess il-ġirja kompetittiva tal-Indipendenza fuq distanza ta’ ħames ta’ kilometri organizzata mill-fergħa politika sportiva tal-Partit Nazzjonalista, TSPN.

Din il-ġirja llum daħlet fil-kalendarju annwali tal-atletika lokali, iżda b’differenza mis-snin preċidenti, din id-darba kien hemm tibdil fir-rotta. Fl-aħħar snin il-5k Independence Day Run, kienet issir f’Ta’Qali, iżda din id-darba saret mad-dawra tal-Belt Valletta.

Mix-xellug għall-lemin | L-Eks Deputat Nazzjonalista, Charló Bonnici, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg u d-Deputat Nazzjonalista, Mark Anthony Sammut

Għal darb’oħra numru sabiħ ta’ atleti ta’ kull etá ħadu sehem f’dan l-avveniment sportiv li jifforma parti mil-programm ta’ ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza li jorganizza l-PN. Uħud mill-aqwa atleti f’pajjiżna, applikaw biex jieħdu sehem f’din it-tiġrija, bir-rebbieħ fil-kategorija open kien Christian Micallef, li jumejn ilu għadu kemm ħareġ rebbieħ fuq l-istess distanza tal-Mellieha Ac Road Races, li saret f’Ta’ Qali.

Illum, Micallef temm l-ewwel post f’ħin ta’ 16-il minuta u 58 sekonda.

Fit-tieni post ikklassifika Antoine Abela, li temm il-ħames kilometri f’ħin ta’ 17-il minuta u 33 sekonda.

Stefano Lazze rebaħ post fuq il-podium finali, meta daħal fit-tielet post f’ħin ta’ 20 minuta u żewġ sekondi.

Fil-kategorija tan-nisa, ir-rebbieħa kienet Luana Zammit, b’Anna Maria Gatt u Lucienne Zammit temmew fit-tieni u t-tielet post rispettivament.

F’rotta sabiħa, b’xenarju mill-isbaħ, madwar id-dawra tal-Belt Valletta, lejn l-aħħar ta’ din il-korsa, l-atleti għandhom telgħa li tkompli tagħmilha diffiċli iżda kompetittiva għall-atleti parteċipanti, Għal darb’ioħra. f’din l-edizzjoni kelna s-sehem ta’ atleti li huma kbar fl-etá iżda li jirrapreżentaw l-anzjanitá attiva.

Fil-kategorija tal-Irġiel, ta’ ‘l fuq minn 60 sena, Michael Camilleri temm it-tellieqa fl-ewwel post. Sandro Farrugia rebaħ il-kategorija tal-Irġiel ta’ ‘l fuq minn 40 sena filwaqt li l-atleta Serb, ibbażat f’Malta, Savo Ristic rebaħ il-kategorija tal-Irġiel ta’ ‘l fuq minn 50 sena.

Sarah Bajada

Intant, fost dawk li pparteċipaw f’dan l-avveniment sportiv annwali organizzat mit-TSPN, din is-sena kien hemm is-sehem tal-Kap il-ġdid tal-PN, Alex Borg u Sarah Bajada li ġrew id-distanza kollha madwar il-Belt Valletta.