Wara li mat-tħabbira tar-riżultat tal-elezzjoni għal Kap tal-PN, il-President tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber bagħat l-awgurju tiegħu lil Alex Borg għall-kariga l-ġdida tiegħu, aktar kmieni llum iż-żewġ mexxejja kellhom laqgħa virtwali.
Tul din il-laqgħa Alex Borg tenna t-twemmin tal-Partit Nazzjonalista f’Ewropa magħquda u f’Ewropa mibnija fuq demokrazija ħajja.
Huwa qal li jixtieq jara Ewropa li tkompli toffri s-sostenn tagħha kemm permezz tal-fondi imma anke permezz tal-politika lill-Istati Membri li qed jiffaċċjaw diffikultajiet. Fil-każ ta’ Malta hu semma ż-żieda fil-popolazzjoni, il-pressjoni qawwija fuq is-servizzi bħalma hu dak tas-saħħa fost l-oħrajn, u l-isfida tal-għoli tal-ħajja.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif il-PN u l-PPE dejjem kellhom l-istess impenn dwar enerġija li tiġġedded u dejjem ħadu pożizzjonijiet simili dwar it-tibdil fil-klima, waqt li żied li se jattendi bi pjaċir għas-summit li jmiss tal-PPE.
Alex Borg qal li qed jieħu l-kariga l-ġdida tiegħu bl-akbar serjetà u b’impenn sħiħ u jinsab sodisfatt li fl-aħħar ġimgħat ra entużjażmu ġdid fost il-partitarji u fil-Partit.
Il-President tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber qal li kemm il-PN kif ukoll il-PPE jemmnu f’Ewropa magħquda mibnija fuq id-demokrazija, u dejjem ħadmu flimkien għal dan il-għan.
Tul din il-laqgħa, Manfred Weber – li dejjem kellu rabtiet speċjali mal-Partit Nazzjonalista – offra l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista u stiednu għal laqgħa fil-kwartieri tal-Popolari Ewropew fi Brussell.
Alex Borg aċċetta l-istedina u qal li jittama li dan ikun kapitlu ġdid u aktar b’saħħtu wkoll għar-rabtiet bejn il-PN u l-PPE u bejn Malta u l-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>