Il-prosekuturi fil-proċess kriminali kontra Yorgen Fenech, akkużat li kien kompliċi fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, akkużaw lid-difiża li qed tuża “tattiċi ta’ dewmien” permezz ta’ sensiela ta’ rikorsi ppreżentati fl-aħħar mument.
Il-kawża kompliet quddiem il-Qorti Kriminali, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, li nnotat kif diversi applikazzjonijiet kienu tressqu biss ġurnata qabel is-seduta. Il-prosekutur Anthony Vella sostna li din saret drawwa tad-difiża, u ddeskriva l-imġiba bħala “tattika klassika biex jintuża ħażin il-proċess ġudizzjarju”. L-avukat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini kompla jgħid li l-“mudell huwa ċar”.
L-avukat tad-difiża Charles Mercieca wieġeb li kieku l-prosekuzzjoni kienet għamlet xogħolha, ma kienx ikun hemm bżonn dawn ir-rikorsi. Il-Qorti qalet li ħafna minn dawn il-kwistjonijiet kienu diġà ġew deċiżi u ċaħdet talba tad-difiża biex jerġa’ jiġi kkunsidrat il-każ dwar l-istqarrija ta’ Fenech, billi l-Qorti kienet diġà ddeċidiet fuqha.
L-Imħallef wissiet li l-kalendarju tal-ġuri kien diġà stabbilit u ma kienx se jitħalla jiġi spostat. L-Avukat Cini kompla jinsisti li d-difiża kienet qed timla l-Qorti b’rikorsi bla bażi sabiex ittawwal il-proċess: “Il-prosekuzzjoni ilha lesta għal dan il-ġuri, imbagħad jiġu erba rikorsi b’talbiet patetiċi,” huwa qal.
Il-partijiet mwissija mill-Imħallef li li kienet se tappunta l-ġuri b’mod immedjat
L-Avukat Mercieca oġġezzjona għall-użu tal-kelma “patetiċi” u l-atmosfera fil-Qorti saħħnet, tant li l-Imħallef wissiet lill-partijiet biex jieqfu inkella kienet se toħroġ ‘il barra u tappunta l-ġuri immedjatament. L-Avukat Cini sostna li d-difiża qatt ma riedet tasal għall-ġuri, u fakkar kif anke quddiem qorti oħra kienu talbu dewmien u meta dan ma ngħatax, talbu r-rikuża tal-imħallef.
Huwa akkuża lid-difiża li qed tabbuża mis-sistema ġudizzjarja, u qiegħda tħaddem dik li sejħet “ir-rota li ddawwar il-‘hamster’” li żżomm il-proċess f’limbu. Skont l-Avukat Cini, il-Qorti kellha tiddeċiedi jekk hux ser tibqa’ tilgħab f’din il-logħba ta’ dewmien jew inkella tmur mill-ewwel għall-ġuri.
Matul l-istess seduta, l-awtur u ġurnalist Mark Camilleri ġie mmultat €1,000 wara li nstab ħati ta’ disprezz lejn il-Qorti għax ippubblika ‘chat’ bejn Yorgen Fenech u Saviour Balzan. L-Ispettur Eman Hayman, mit-Taqsima tas-Cybercrime, xehed li kien qed jinvestiga lill-awtur wara l-pubblikazzjoni ta’ dokumenti mill-att tal-kawża kriminali kontra Fenech.
Huwa qal li kien saħansitra kkunsidra l-possibbiltà li joħroġ Mandat ta’ Arrest Ewropew biex iġib lil Mark Camilleri lura Malta, iżda ma setax għax id-disprezz lejn il-Qorti ma jġibx piena effettiva ta’ ħabs. Il-Qorti kkonfermat li d-dokumenti ppubblikati kienu l-istess bħal dawk fil-fajl tal-kawża u sabitu ħati.
Il-Qorti Kriminali kienet preseduta mill-Imħallef Edwina Grima. Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-avukati mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Anthony Vella, Godwin Cini u Danika Vella. Id-difiża ta’ Fenech kienet rappreżentata mill-avukati Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran, filwaqt li l-familja tal-vittma kienet rappreżentata mill-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia.
//= $special ?>