Lokali

“Intom l-enerġija tiegħi u tal-Partit Nazzjonalista” – Il-Kap tal-PN Alex Borg iħabbar il-Youth Think Tank

Ritratt: Martin Agius

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista iħabbar 4 rwoli ġodda fi ħdan il-PN

Intkom l-enerġija tiegħi u tal-Partit Nazzjonalista  – mhux se nistenna liż-żgħażagħ jiġu għandna imma se nkunu qed immorru aħna sabiex nisimgħuhom, u aktar minn hekk nuruhom li flimkien dan il-pajjiż għandu ġejjieni mill-isbaħ.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt sessjoni ta’ Q&A fi Pjazza Tritoni fejn ħabbar il-Youth Think Tank tal-Partit Nazzjonalista – proposta oħra li il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg se jkun qiegħed jattwa fl-ewwel jiem mill-ħatra tiegħu.

Dan filwaqt li ħabbar erba’ rwoli importanti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

Dan hekk kif il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħabbar li l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista se tkun Sabine Agius Cabourdin li laqgħat l-istedina tiegħu sabiex tokkupa din il-kariga importanti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbar ukoll li Simon Vella Gregory se jkun qed jokkupa l-irwol ta’ Campaign Manager u bħala Kap tas-Segretarjat tiegħu għażel lis-Sindku tal-Munxar, Damien Spiteri.

Dan filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg saħaq li wieħed mill-aktar rwoli intrinsiċi se jkun l-irwol ġdid ta’ Chairperson fil-Leadership Delivery Office li se jkun qed jitmexxa mill-Inġinier Simon Mizzi.

Alex Borg saħaq li dawn l-irwoli ta’ importanza flimkien mal-bqija tal-ħaddiema, voluntiera, partitarji – se tkun qed tinħoloq alleanza, ta’ entużjażmu u tama għal ġejjieni pożittiv – ġejjieni ta’ bidla li dan il-poplu u pajjiż tant għandhom bżonn.

Ritratt: Martin Agius

Dan hekk kif fl-ewwel jum taċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi tal-Indipendenza, fi Pjazza Tritoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ltqaqa’ maż-żgħażagħ għal sessjoni ta’ Q&A, bl-għan li jisma’ u jifhem iż-żgħażagħ xi jridu mill-Partit Nazzjonalista, għaliex huma mhux biss il-futur ta’ pajjiżna, iżda l-preżent…bil-PN ċertament li jixhed dan fil-prattika.

Sfidi fil-qasam tal-edukazzjoni

B’rabta mal-isfidi fil-qasam tal-edukazzjoni f’pajjiżna għalliem tal-etika u attivist tal-edukazzjoni, Luke Fenech, ta suġġeriment li nisimgħu l-edukatur, noħolqu aktar team tanks biex naraw aktar x’ikun għaddej fil-klassi għax iktar ma nimxu mal-edukatu u nitrattawhom ta’ professjonisti se nifhmu ħafna iżjed il-problemi fis-soċjeta.

Ritratt: Joseph Galea

Min-naħa tiegħu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, irrefera għal passat glorjuż tal-Partit Nazzjonalista, fejn jidħol il-qasam tal-edukazzjoni, fejn semma kif fiż-żmien meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern, kienet tinfetaħ skola kull sena, tragward pożittiv tal-pajjiż.

Huwa sostna li l-politiċi, iridu jitgħu ruħhom fiż-żarbun tal-edukatur filwaqt li stqarr kif fil-fehma tiegħu l-edukazzjoni għandha tkun dinamika u tevolvi skont ir-realtajiet ta’ quddiemha. Dan jista’ jsir permezz ta’ realtajiet diġitali.

Sfidi Mentali f’Malta

Intant, Michela Faye Bugeja, Psikoterapista żagħżugħa tkellmet dwar l-isfidi mentali f’pajjiżna u s-sitwazzjoni fl-Isptar Monte Carmeli. Fi kliemha sostniet kif affarjiet komuni li qed jesperjenzaw in-nies illum il-ġurnata huma l-ansjetà u d-dipressjoni. U minkejja l-progress li sar xorta għad hawn ir-rigress u għadna qed nitilfu lin-nies b’rata għolja ta’ suwiċidju fis-sena.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, sostna kif f’pajjiżna għandna problemi kbar ta’ saħħa mentali u hemm bżonn ngħollu dan is-settur fuq skala nazzjonali. Tenna kif meta se ssir ir-reshuffle tax-Shadow Kabinett tal-Partit Nazzjonalista, se tkun qed tiżdied bħala parti mix-Shadow Ministry, is-solitudni.

Huwa insista fuq l-importanza li jkun hemm enfasi speċifiku anke fil-Parlament uq dan is-suġġett.

Sfidi ambjentali f’Malta

Intant, Matthew Luke Axiaq, student tal-Bijoloġija fl-Università , tkellem dwar l-isfidi tal-ambjent f’pajjiżna.

Huwa elenka numru ta’ problemi relatati mal-ambjent f’pajjiżna fosthom, kif il-widien tagħna dejjaqnihom, u ġew miksija bil-konkos biex l-ilma minflok joqod fi gżiritna jmur lejn il-baħar. Kompla jgħid kif, l-urban tagħna m’għandux green spaces biex jassorbi l-ilma tax-xita u għalhekk nispiċċaw bit-toroq mgħerrqin, it-trab, l-istorbju, id-drenaġġ fil-baħar, it-toroq, fost oħrajn. Sostna kif minkejja dawn il-problemi kollha, ir-riforma tal-ippjanar li se tidħol fis-seħħ, se titfa’ l-pajsaġġ Malti f’pożizzjoni ta’ iżjed qerda.

Ritratt: Martin Agius

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg saħaq li l-Partit Nazzjonalista propona Private Member’s Bill fil-Parlament sabiex l-ambjent ikun dritt fil-kostituzzjoni ta’ Malta għax għandu jkun salvagwardjat filwaqt li sostna kif il-Gvern preżenti ma jridx jaċċetta li ndaħħlu bħala liġi din il-kwistjoni. Huwa saħaq li “irridu naraw armonija bejn l-ambjent u l-progress, li jaħdmu flimkien, id f’id.”

Sfidi affaċċjati miż-żgħażagħ Għawdxin

Intant, Nikolai Vella li huwa żagħżugħ Għawdxi tkellem dwar l-isfidi li jaffaċċjaw iż-żgħażagħ Għawdxin fejn sostna kif l-Għawdxin qed iħossuhom minsijin mill-Gvern ta’ Robert Abela. Semma kif huma neqsin mill-proġetti infrastrutturali f’Għawdex li huma kważi ineżistenti, it-telqa fil-binjiet tal-Gvern, il-qedem tal-vapur tal-Gozo Channel, it-toroq li huma fi stat diżastruż u li ma jlaħħqux mal-ħtiġijiet ta’ llum il-ġurnata, il-Queues li jsib persuna biex jivvjaġġa minn Għawdex lejn Malta, fost diversi kwistjonijiet oħrajn.

Tkellem ukoll Matthew Borg, żagħżgugħ involut fl-amministrazzjoni ta’ klabb tal-futbol flimkien ukoll ma’ Leon Briffa dilettant tal-festi u Isaac Muscat, żagħżugħ tal-post-sekondarja li tħadded fuq l-isfida għall-istudenti sabiex ilaħħqu mal-istudju, ix-xogħol, il-passatempi u aktar minn hekk dwar l-importanza li jkollhom hin ta’ kwalità.

Indirizz lil dawk kollha li qed jaspiraw għal futur aħjar

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar l-importanza ta’ bilanċ fil-ħajja ta’ dak li jkun partikolarment fil-ħajja taż-żgħażagħ. Huwa insista li l-volontarjat huwa essenzjali mhux biss għall-festi Maltin iżda huwa wieħed li jiddefinixxi poplu – u proprju bis-sehem tagħhom fil-festi li tant huma maħbuba jsawwru l-kultura Maltija.

B’rabta mal-isport – Alex Borg insista li din hija tema għal qalbu ferm tant li sal-Ħamis stess kien qiegħed jipprattikah u saħaq li bħal ma għamel dejjem se jibqa’ jimbotta kemm jista jkun b’kull mod u manjiera sabiex iż-żgħażagħ, u mhux biss, ikollhom kull opportunità sabiex jibqgħu jipparteċipaw fl-isport li jridu.

Finalment ix-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ Bernice Bonello saħqet li proprju laqgħat bħal dawn huma ta’ importanza kbira, u jsaħħu l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista u insistiet li flimkien ma’ sħabha d-Deputati wara t-tmexxija għaqlija tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg – fil-jiem, xhur u ġimgħat li ġejjin se jkunu ta’ spalla ma’ spalla maż-żgħażagħ li qed jaspiraw għal futur aħjar.

Ritratt: Martin Agius