Lokali

Is-Sindku tal-Imqabba tikkundanna dak li qal Dingli iżda trid iżżommu magħha

Kumment bħal dan ma kellux isir – imma jien nikkundanna dak li ntqal u mhux se nikkundanna lill-persuna.

Sostniet dan is-Sindku tal-Imqabba Grace Zerafa waqt laqgħa tal-Kunsill Lokali hekk kif il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista Noel Galea u Owen Sciberras resqu mozzjoni ta’ kundanna u aktar minn hekk riżenja fil-konfront tal-Viċi Sindku Jonathan Dingli b’rabta mal-kumment li għamel fil-konfront tad-Depuat Nazzjonalista Adrian Delia.

Ftit tal-ġimgħat ilu Dingli kiteb fuq il-midja soċjali fejn indirizza lil Delia b’dan il-kliem; “Mara kont ġej, għax wisq tħobb tissawwat.”

Is-Sindku saħqet li ma taqbilx ma’ din il-mozzjoni għaliex qalet li Dingli dejjem ħadem favur il-lokalità u li dak li qal ma jirriflettix dak li jaġixxi fil-prattika.

Għalhekk spjegat li hi tikkundanna dak li qal iżda ma tikkundannax lill-persuna għaliex iddeskrivietu bħala persuna valida u pożittiva.

Dan filwaqt li l-Kunsillier Laburista Patrick Ghigo sostna li effettivament sar żball iżda ma jħossx li għandu jitkabbar aktar milli hu għax, skont hu, ittieħed ‘il barra mill-kuntest.

Jonathan Dingli sostna li hu diġà talab skuża u dak li kiteb kien ittieħed barra mill-kuntest tiegħu.

Għaldaqstant il-vot m’għadhiex bi 3-2.

Mal-ġurnal Times of Malta Jonathan Dingli kien saħaq li hu ma riedx jalludi għall-vjolenza domestika imma għas-swat fis-sodda.

Fil-jiem li għaddew Dar Merħba Bik kienet irrifjutat donazzjoni mingħand il-Viċi Sindku tal-Imqabba hekk kif saħqet li tirrifjuta li taċċetta kwalunkwè donazzjoni mingħandu.