Internazzjonali

Jimmy Kimmel jitwaqqaf wara li kritika lil Donald Trump

L-istazzjon televiżiv Amerikan ABC waqfet b’mod indefinit il-programm tant segwit ta’ Jimmy Kimmel wara li l-istess preżentatur għadda xi kummenti b’rabta mal-qtil tal-influencer politiku Charlie Kirk.

Kelliema għan-network spjegaw li waqfulu l-programm temporanjament wara li waqt il-programm Jimmy Kimmel Live huwa stqarr li t-tim ta’ Donald Trump kien qed jittanta jakkwista punti politiċi minn dan l-assassinju.

Huwa kkritika b’mod qawwi l-mod li bih irreaġixxa Donald Trump għal dan il-qtil fejn xebħu ma tifel ta’ 4 snin.

Filwaqt li wara l-aħbar li dan il-programm twaqqaf temporanjament, Jimmy Kimmel għadu ma kkumentax – mill-banda l-oħra l-President Amerikan Donald Trump saħaq li din hija aħbar mill-isbaħ għall-Istati Uniti.

Kelliema għal Jimmy Kimmel spjegaw li din ma kienet turia ta’ disrispett b’ebda mod lejn Charlie Kirk tant li l-istess Kimmel kien minn ta l-ewwel li wassal il-kondoljanzi lil qrabatu permezz ta’ post fuq il-midja soċjali.

Intant segwaċi tax-show saħqu li r-reazzjoni tat-tmexxija ta’ Trump qed tirreaġixxi b’mod infantili u stupidu u insistew li din hija theddida kbira għal-libertà tal-espressjoni.

Oħrajn saħqu li jinsabu inkwetati kif persuna tneħħiet minn fuq it-televiżjoni għax qasmet l-opinjoni tagħha – b’uħud jispjegaw li l-White House qed timxi b’ponn dittatorjali quddiem kwalunkwe kiritika diretta lejn Trump.