Mara ta’ 30 sena, Yanika Cuschieri, li qed tkun akkużata b’serqa aggravata minn fuq sewwieq tal-“cabs”, ingħatat il-ħelsien mill-arrest. Hi kienet tressqet il-Qorti fit-23 ta’ Awwissu wara li allegatament hedded is-sewwieq b’imqass u serqitlu l-mobile u l-kartiera.
L-imputata wieġbet mhux ħatja għall-akkużi ta’ serqa aggravata, theddid bil-vjolenza u ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ sentenza sospiża, ta’ probation u ta’ ħelsien mill-arrest f’każijiet oħra. Ix-xhud ewlieni, is-sewwieq tal-cabs, kien xehed aktar kmieni dan ix-xahar li Cuschieri, waqt li kienet passiġġiera, hedditu b’imqass u talbitu €50, filwaqt li wissietu li l-verżjoni tagħha kienet se tiġi emmnuta għax hi Maltija u hu barrani.
Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-avukat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Neville Galea u l-Ispettur tal-Pulizija Joseph Mallia, oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest billi sostniet li l-proċeduri kienu għadhom fi stadju bikri u kien hemm xhieda ċivili li għadhom ma xehedux.
Barra minn hekk, intqal li l-imputata kienet diġà tinsab fuq żewġ setijiet ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest meta seħħ dan il-każ, u għalhekk ma kienx hemm garanzija li kienet se tosserva kundizzjonijiet ġodda. Ġie mfakkar ukoll li l-uffiċjal tas-sigurtà ta’ Transport Malta li kien assista lill-allegat vittma għadu ma xehedx.
Madankollu, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Ann Marie Thake, irrimarkat li l-uffiċjal ta’ Transport Malta ma jistax jitqies bħala xhud ċivili. Hija osservat ukoll li l-fatt li l-imputata hi bla xogħol ma jistax jintuża bħala raġuni diskriminatorja biex jiġi miċħud il-ħelsien mill-arrest, u lanqas ma kien hemm fuq ir-rekord kriminali tagħha xi ksur ta’ ordnijiet ta’ probation jew ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti enfasizzat il-prinċipju li Cuschieri tibqa’ preżunta innoċenti sakemm il-Qorti tgħid bil-maqlub, u għalhekk tatilha l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €1,500. Ġiet ordnata biex tiffirma l-għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa u ġew imposti wkoll kundizzjonijiet ta’ curfew. Cuschieri kienet assistita mill-avukati Franco Debono, Adreana Zammit u Matthew Xuereb.
//= $special ?>