Lokali

OPINJONI: Alex Borg… diġà fi qlub il-Maltin

Wara li bħal-lum ġimgħa Alex Borg inħatar bħala l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista... issa rridu nagħtuh l-appoġġ u s-sostenn tagħna

George Muscat
Kandidat

Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista fetaħ kapitlu ġdid fl-istorja tiegħu. Wara proċess demokratiku u matur li ra l-elezzjoni ta’ Kap ġdid, issa wasal iż-żmien li l-attenzjoni tagħna tmur fuq l-għaqda, il-bini mill-ġdid u t-tħejjija biex nerġgħu mmexxu lil Malta b’serjetà u b’viżjoni. Il-kampanja għaddiet. L-għażliet saru. Issa huwa mument għal rikonċiljazzjoni, għal għaqda sinċiera u għal fehma ġdida.
Il-Partit Nazzjonalista għandu storja twila ta’ tmexxija u viżjoni. Madanakollu, it-triq ’il quddiem teħtieġ li nibnu fuq dak li hu tajjeb, nirriflettu fejn żbaljajna, u fuq kollox, ninkludu lil kulħadd.
F’dan il-mument tant kruċjali, għandna bżonn il-kontribut ta’ kull membru, kull voluntier, kull persuna li temmen fil-valuri tagħna. Ħadd mhu żgħir wisq jew ’il bogħod wisq biex jagħti sehem. Kull persuna tista’ tkun parti minn dan il-proċess ta’ tisħiħ u tiġdid.
L-għaqda mhix fraġi li sseħħ waħedha. Jeħtieġ impenn. Jeħtieġ maturità. U fuq kollox, teħtieġ li nagħrfu li kulħadd għandu xi joffri. Hemm bżonn nies li jiktbu, li jipparteċipaw fid-diskussjonijiet politiċi u strateġiċi.

Malta aħjar
Hemm bżonn nies li jgħinu fil-logistika, fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet, fid-dar ċentrali, fil-fergħat, jew fl-għajnuna ta’ kuljum. U hemm bżonn ukoll ta’ dawk li, forsi fis-skiet, jagħtu kontribut b’appoġġ morali, ideat, komunikazzjoni, jew anke b’kellma tajba li tħeġġeġ u tgħolli l-moral tal-oħrajn.
Dan huwa l-mument li l-Partit Nazzjonalista għandu jurina li huwa l-vera dar ta’ kull min jemmen f’Malta aħjar. Mhux biss partit elettorali, imma moviment politiku li jħaddan il-potenzjal ta’ kull individwu. Moviment fejn il-mertu, l-etika, u l-ideat għandhom posthom.
Il-futur tal-Partit mhux f’idejn persuna waħda biss. Huwa f’idejn kulħadd. F’idejn dawk li għandhom għal qalbhom il-valuri tal-libertà, il-ġustizzja u l-verità. F’idejn dawk li lesti jagħtu ħinhom u l-enerġija tagħhom biex jaraw partit b’saħħtu, rilevanti u kapaċi jerġa’ jmexxi lil pajjiżna b’dinjità u kompetenza.
Ejja naħdmu flimkien. Nibdew dan il-kapitlu l-ġdid mhux biss bil-kliem, imma bil-fatti. L-għaqda u l-ħidma tagħna llum, huma l-pedament tar-rebħa ta’ għada.

Dan  l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 14 ta’ Settembru, 2025.