Angelo Micallef
Forsi nkun qed ngħid l-ovvju jekk ngħid li mhux xi sigriet li għandi differenzi politiċi kbar mal-President Amerikan Donald Trump u l-Viċi President Amerikan JD Vance. Forsi nkun qed ngħid l-ovvju jekk ngħid li jien kritiku ħafna tal-politika mħaddna mill-istess Trump u Vance. Forsi nkun qed ngħid l-ovvju jekk ngħid li nemmen li l-Istati Uniti taħt Trump u Vance marret lura minflok ’il quddiem.
Tiġi weħidha għalhekk li għandi differenzi ta’ opinjoni kważi awtomatiċi ma’ dawk li b’xi mod jonfħu u jinċensaw lill-President Trump u l-politika tiegħu.
Madankollu dejjem emmint u nibqa’ għal dejjem nemmen fil-valur tad-demokrazija u tal-libertà tal-espressjoni. Nibqa’ għal dejjem nemmen li bniedem għandu dritt iwassal il-fehmiet tiegħu mingħajr ma’ jiġi kastigat sakemm tali fehmiet ma’ jinċitawx mibegħda jew vjolenza. Nibqa’ għal dejjem nemmen li f’demokrazija bniedem għandu kull dritt jgħin u jaħdem favur il-kandidat tal-għażla tiegħu anki jekk forsi tali kandidat mhuwiex il-kandidat tal-għażla tiegħi.
Nemmen bis-sħiħ li huwa biss f’soċjetà fejn kulħadd iħossu sikur jesprimi l-fehma tiegħu b’mod liberu li nista’ jien innifsi nħossni sikur li mhux se nsib xi sarima ma’ ħalqi. Dan il-kunċett huwa fundamentali f’soċjetà li trid tqis lilha nnifisha bħala ħielsa u demokratika. Huwa għalhekk xokkanti, deplorabbli u ta’ għajb meta wieħed jara storja bħal dik ta’ Charlie Kirk.
Kont dejjem naqbel ma’ Charlie Kirk? U zgur li le; biss biss Charlie Kirk kien jemmen b’fiduċja għamja fi Trump. Kont nemmen li xi kultant Charlie Kirk kien jgħid veduti li huma żbaljati? U zgur li iva! Però kont dejjem nemmen ukoll li f’soċjetà demokratika Charlie Kirk kellu kull dritt sagrosant li jħaddan il-fehmiet tiegħu u li juża l-mezzi legali kollha biex iwassal il-fehmiet tiegħu lill-oħrajn.
X’raġuni valida seta’ qatt ikolli biex nopponi dan id-dritt sagrosant ta’ Kirk meta dan kulma kien qed jagħmel huwa li jwassal il-fehma tiegħu fuq ‘podcast’ u jorganizza dibattiti miftuħa fuq ‘campuses’ differenti? Minn meta f’demokrazija saret xi ħaġa ħażina li torganizza dibattiti miftuħa u tagħmel ‘podcasts’ li sempliċement iwasslu l-veduti tal-‘podcaster’?
Il-qtil brutali ta’ Charlie Kirk, li ħalla żewġt itfal żgħar mingħajr missier, kellu jkun kundannabbli u ta’ għajb mhux biss għal min kien jaqbel mal-fehmiet ta’ Kirk imma għal kull min jemmen li kull bniedem għandu jkun ħieles u liberu.
Huwa ironiku mhux bi ftit li hawn min kważi kważi beda jiċċelebra dan il-qtil u fl-istess nifs jiċċelebra d-demokrazija. X’demokrazija u libertà hija sitwazzjoni fejn bniedem jispiċċa maqtul għax forsi l-veduti tiegħu kienu konservattivi wisq?
Naraw dak l-avveniment bħala attakk fuq id-demokrazija
Fuq dan il-punt ma nistax ma nikkundannax bl-akbar qawwa possibbli dak li seħħ fil-Parlament Ewropew ftit jiem wara l-qtil ta’ Kirk. Wieħed jifhem li l-fehmiet ta’ Kirk ma’ kinux allineati ma’ dawk tal-Parlament Ewropew; jien l-ewwel wieħed kelli differenzi notevoli ma’ wħud mill-fehmiet ta’ Kirk.
Imma allura l-Parlament Ewropew juri biss rispett lejn min il-fehmiet tiegħu huma identiċi jew simili? Mhux suppost il-Parlament Ewropew huwa l-qalba tal-valur demokratiku fl-Ewropa? Mhux suppost din hija d-dar tad-demokrazija Ewropea? Possibbli l-qtil ta’ bniedem minħabba l-fehma tiegħu ma’ tikkawża l-ebda tħassib? Possibbli daqshekk diffiċli biex minkejja d-differenzi politiċi jintwera rispett lejn vittma tad-demokrazija?
Il-fatt li l-Parlament Ewropew lanqas kellu l-ħila jagħmel mument ta’ silenzju tgħid ħafna fuq l-ipokrezija grassa li xi kultant taf toħroġ mill-kuruturi ta’ Brussell!
Ikun ħażin jekk lil Charlie Kirk ndendlulu xi raġġiera. Ikun ħażin jekk f’daqqa nagħtuh raġun dwar dak kollu li qal. Ikun ħażin jekk f’daqqa nipprovaw ninsew il-fatt li ma kienx hemm qbil fil-fehmiet tagħna fuq diversi punti. Imma jkun ugwalment ħażin jekk insibu d-diffikultaà li nikkundannaw bl-akbar qawwa dak li ġara; nitolbu li sseħħ ġustizzja mal-familja tiegħu u mas-segwaċi tiegħu u li naraw dak l-avveniment bħala attakk fuq id-demokrazija nnifisha; xejn aktar xejn inqas!
Kif qal tant tajjeb il-Filosofu Franċiż Voltaire, “Ma naqbilx ma’ dak li għandek xi tgħid, imma niddefendi sal-mewt id-dritt tiegħek li tgħidu”.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 18 ta’ Settembru, 2025.
//= $special ?>