Mark A. Sammut Sassi
Fil-ftit jiem li ilu fil-kariga, Alex Borg ġa ġab sens ta’ tiġdid fil-pajjiż. Naħseb li dan qed iħossu kull settur tas-soċjetà Maltija. In-nies xebgħet tisma’ bil-ħmieġ ta’ dal-Gvern… kulfejn imiss, inawru… bl-aħħar kapitlu f’dis-saga ta’ korruzzjoni tkun il-Gażiba Fortina.
Jien qed nistenna ħwejjeġ importanti minn Dr Borg. M’għandix dubju li se jagħmilhom.
L-abort fil-Parlament Ewropew
Sadanittant, nhar it-Tlieta li ġej, fil-Parlament Ewropew se jniedu ktieb dwar l-abort, jismu European Abortion Atlas 2025, ktieb ta’ riċerka dwar l-aċċess għall-abort fl-Ewropa.
Dir-riċerka saret mill-Forum Parlamentari Ewropew għall-Jeddijiet Sesswali u Riproduttivi – isem twil li jfisser “Grupp li Japprova li l-Ommijiet Joqtlu lit-Trabi f’Ġufhom”. Se tieħu sehem f’dal-avveniment il-ġinekologa Isabelle Stabile li se titkellem għal 20 minuta dwar is-sitwazzjoni krudili u infami f’Malta fejn in-nisa ma jistgħux joqtlu lil uliedhom.
L-avveniment organizzawh tar-Renew Europe. Fl-istedina kitbu, b’ton ta’ ferħ kbir: “Let’s talk about abortion!” Iva, bil-punt esklamattiv b’kollox! Għax l-abort sabiħ! Jien għalija dawn qabda eżaltati.
Meta l-Ewropa għandha problema enormi ta’ rata tat-twelid tinxtorob u l-popolazzjoni Ewropea qed tgħib għax m’aħniex nagħmlu biżżejjed tfal, jiġu dawn u jridu jagħmlu l-kruċjati favur l-abort. U m’aħniex nitkellmu biss dwar abort għal raġunijiet ta’ saħħa. Imma wkoll għal raġunijiet ta’ “awtonomija”. Kelma, din, li tfisser li mara li ma tridx li wliedha jiġu fid-dinja tista’ toqtol lit-tarbija. Jien il-ħafna logħob bil-kliem u l-għati tax-xemx bl-għarbiel idejquni. Nippreferi li l-affarijiet insejħilhom b’isimhom.
Awtonomija tfisser l-għoti tal-jedd li dak li jkun ma jimxix mar-responsabbiltajiet tiegħu. Mara toħloq ħajja ġdida – hux apposta jew bi żball ftit jimporta – u mbagħad tiddeċiedi (b’awtonomija) li toqtolha dik il-ħajja.
Apparti l-kwistjoni morali, hemm il-kwistjoni demografika. Mela l-popolazzjoni tal-Ewropa qed tgħib bil-qajl il-qajl, u jikkampanjaw biex in-nisa joqtlu aktar trabi. Flok ma jikkampanjaw għar-responsabilità, għall-użu tal-kontraċettivi jew għall-asteniment, jikkampanjaw għall-qtil tat-trabi. Jien naħseb li hemm ingredjent ta’ instabilità f’dir-riċetta.
Dawn jimxu mal-idea li l-bniedem isir bniedem mat-twelid, meta jiġi rreġistrat fir-Reġistri tal-Istat. Sa ċertu punt dal-argument jagħmel sens. Imma sa ċertu punt.
Għax jekk hu l-Istat u l-Istat biss li jagħti l-umanità lill-bniedem, allura jekk l-Istat jiddeċiedi li persuni ta’ karnaġjon skur huma nofs-bnedmin (kif għamlu l-Istati Uniti tal-Amerka sal-Gwerra Ċivili tagħhom u sal-waqfien tas-segregazzjoni) jew li l-Lhud mhux bnedmin (kif għamlu n-Nazisti), allura rridu nimxu ma’ dak li jgħid l-Istat?
Ir-raġuni titlob li ma nimxux ma’ ubbidjenza għamja għall-Istat imma nimxu ma’ prinċipji etiċi u morali ġejjin minn dak li hu raġonevoli. M’huwiex raġonevoli li tqis lit-tarbija li għadha ma twelidtx bħalkieku mhix bniedem. Jekk mhix bniedem x’inhi?
Il-problema tal-popolazzjoni
Il-Ministru Clyde Caruana reġa’ tefa’ dawl jiddi fuqha dil-problema. Li għandha żewġ dirgħajn. Driegħ minnhom li l-Maltin m’għadhomx jagħmlu wlied. Id-driegħ l-ieħor, l-importazzjoni kaotika u gerfuxija ta’ barranin mit-Tielet Dinja.
Il-problema tal-Maltin li m’għadhomx jagħmlu wlied għandha ħafna x’jikkawżaha, fost l-oħrajn li r-residenzi żgħar. Jekk ma jkollokx biżżejjed kmamar tas-sodda fejn se traqqadhom it-tfal? Fil-kxaxen tal-gradenza?
Hemm bżonn bidla fir-regoli tal-ippjanar. Imma wkoll fit-taxxa imposta fuq ix-xiri tal-proprjetà. Kieku kien għalija, it-taxxa tal-boll titneħħa kompletament. Għax meta tqis kollox, il-prezzijiet tal-proprjetà huma għoljin għax ix-xerrej irid iħallas it-taxxa tal-bejjiegħ u t-taxxa tax-xerrej. Neħħi t-taxxa tax-xerrej, u traħħas l-ispiża tal-akkwist u tgħin biex jinxtraw proprjetajiet akbar.
Kawża oħra hi l-karozzi… li huma maħsubin għal familji ta’ erbgħa. Biex tagħmel ħafna tfal trid tixtri vann jew karozza kbira. Dal-flus kollha mnejn se jsibhom il-ħaddiem (kemm tal-id kemm tal-moħħ)?
Id-driegħ l-ieħor, tal-popolazzjoni tikber bla rażan ta’ persuni mit-Tielet Dinja… din teħtieġ bidla fil-mudell ekonomiku.
Imma jidher li l-Labour hu mostru b’żewġt irjus. Waħda taħdem tajjeb (Clyde Caruana) u l-oħra iebsa u tara biss sal-ponta tal-imnieħer (Robert Abela).
Malta jixirqilna tmexxija aħjar. Alex Borg jaf ikun it-tama li dal-pajjiż għandu bżonn.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 18 ta’ Settembru, 2025.
//= $special ?>