Internazzjonali

“Rabta storika” – Tiġi fi tmiema t-tieni żjara statali ta’ Trump fir-Renju Unit

“Rabta storika, lingwistika u kulturali li ma tista’ tinħall qatt – kburi u onorat li erġajt qiegħed fostkom il-Brittaniċi.”

Saħaq dan il-President tal-Istati Uniti Donald Trump f’konferenza konġunta mal-Prim Ministru Ingliż Keir Starmer. Liema konferenza għalqet it-tieni żjara statali ta’ Trump fir-Renju Unit. L-unika President Amerikan li ġie mistieden għal żewġ żjarat statali fl-istorja tar-Renju Unit.

Żjara li rat ftehim storiku b’valur ta’ 250 biljun ewro f’investiment fis-settur tal-informatika u t-teknoloġija.

Tech and Prosperity Deal li ser ikun wieħed mill-akbar ftehimit ekonomiċi li r-Renju Unit u l-Istati Uniti qatt għamlu flimkien.

Intant fil-jum tal-Ħamis il-President tal-Istati Uniti kien imissu ġurnata ta’ laqgħat u żjarat flimkien mal-Prim Ministru Brittaniku Keir Starmer – wara li l-Erbgħa kienet ġurnata ta’ żjarat mal-familja rjali, fost il-pompa li tiddefenixxi r-Renju Unit.

Il-ġurnata tal-Ħamis, intant, bdiet bil-President tal-Istati Uniti bi żjara fl-arkivji nazzjonali tal-Prim Ministru Winston Churchil – fejn hemm iltaqa’ mal-Prim Ministru Starmer.

Trump u Starmer għalqu din iż-żjara b’Konferenza konġunta li kellhom wara laqgħat mal-Ministru tal-Finanzi tar-Renju Unit.

Fil-Konferenza stampa huma tkellmu fost l-oħrajn l-dwar l-impatt tat-tariffi imposti – liema tariffi, min naħa tal-Istati Uniti, kienu l-inqas ħorox fil-konfront tar-Renju Unit fost il-pajjiżi kollha. Bi Starmer jirringrazzja mill-ġdid lil President Amerikan li essenzjalment ħenn għall-pajjiżu minħabba ir-rabdiet storiċi bejn iż-żewġ pajjiżi u, fi kliem Starmer, tal-potenzjal li jara’ fil-pajjiż.

Apparti min hekk ġiet diskussa wkoll id-difiża taż-żewġ pajjiżi u kif ser ikunu ta’ sostenn għal xulxin kif kienu matul is-snin – Dan fost mistoqsijiet diffiċli rigward is-sitwazzjoni f’Gaza u fl-Ukrajna mill-ġurnalisti preżenti.

Min naħa tiegħu Trump reġa’ saħaq li din iż-żjara ser tkun qed tikkonsolida din ir-relazzjoni trans-atlantika li, fi kliemu, jiġri x’jiġir qatt ma tista’ tittappan.

Intant l-Erbgħa filgħodu l-President tal-Istati Uniti u l-first lady Melania Trump iltaqgħu mal-Prinċep William u l-Prinċipessa Kate sabiex imbgħad ġew akkumpanjati mir-Re Charles u r-Reġina Camilla sabiex jospitaw lill-President Amerikan għal  din il-żjara statali fil-Kastell ta’ Windsor.

Fl-ewwel jum ta’ din iż-żjara, propju f’Saint George’s Hall il-President Amerikan flimkien ma’ bosta persuni distinti Amerikani oħra attenda flimkien mal-kumplament tal-Familja Rjali – f’banquet mill-aqwa li ftit mexxejja dinija jesperjenzaw.

Iżda din  iż-żjara ġabet magħha bosta kritika minn uħud li huma kompletament kontra li jinfirex it-tapit l-aħmar għal Donald Trump. Fost l-oħrajn kritika mis-Sindku ta’ Londra Sadiq Khan dwar kif il-President Amerikan xpruna bosta mibgħeda fil-konfront ta’ minoritajiet varji – dan apparti li kritika kemm felaħ l-istil tiegħu li hu sejjaħlu estrem u dittatorjali.

Apparti min hekk fil-lejl tat-Tlieta, preċiżament mal-wasla ta’ Trump, deher viżwal ta’ 3D mapping fuq il-faċċata ta’ Windor Castle fej wera’ fost l-oħrajn ritratti tal-President Trump ma’ Jeffery Epstein, il-persuna b’bagalja ta’ akkużi ta’ traffikar ta’ nisa taħt l-età fost l-oħrajn. Bil-pulizija Brittanika tarresta grupp ta’ nies li mexxew din il-wirja viżiva mal-faċċata tal-Kastell Irjali.