Mohamed Hamdan, raġel ta’ 46 sena li diġà qed jiffaċċja akkuża ta’ qtil f’każ ta’ ‘road rage’ li seħħ fil-Bidnija f’Ġunju, tressaq il-Qorti wkoll fuq każ ieħor ta’ allegat inċident simili li seħħ xhur qabel f’San Pawl il-Baħar. L-inċident seħħ f’Jannar 2025 fi Triq it-Turisti, meta Hamdan kien qed jipprova jipparkja t-trakk tiegħu biex iwassal l-ilma lil lukanda.
Skont l-allegat vittma, li kien qed isuq Mazda ħamra, hu kien qabeż lit-trakk u qiegħed il-karozza tiegħu quddiem Hamdan biex ma jħallihx jidħol fil-post tal-kunsinna. Il-filmati tas-CCTV juru kif il-kontroversja bejn iż-żewġ sewwieqa eskalat f’argument verbali u fiżiku, li kellhom jidħlu fihom il-passiġġieri tal-Mazda biex jifirduhom.
Wara li l-affarijiet dehru li kienu qed jikkalmaw, Hamdan irritorna fil-kamion tiegħu u allegatament daħal fil-Mazda, li kienet ġiet meqjusa bħala total loss, u f’ħabta oħra kkawża ħsarat estensivi lil tliet vetturi pparkjati fil-viċin. L-allegat vittma ġarrab ġrieħi ħfief, kif ukoll Hamdan li weġġa’ ħafif.
Hu kien arrestat iżda nħeles fuq il-‘police bail’ filwaqt li kien qed jistenna li jiġu ppreżentati ċertifikati mediċi u rapport ta’ stima tal-ħsara, li fl-aħħar waslu f’Marzu iżda datati Jannar. Aktar tard f’April Hamdan kien imsejjaħ lura l-għassa iżda talab il-preżenza tal-avukat tiegħu, Nicholas Mifsud.
Minħabba impenji tal-Avukat Mifsud f’ġuri, l-interrogazzjoni ma saritx u qabel ġie stabbilit jum ġdid, seħħ il-qtil fatali ta’ Jean Paul Busuttil fil-Bidnija. Minħabba dawn iċ-ċirkustanzi, il-Pulizija ddeċidiet li tressaq l-akkużi relatati mal-każ ta’ Jannar fl-4 ta’ Lulju mingħajr ma għamlu interrogazzjoni formali.
Hamdan wieġeb mhux ħati għall-akkużi li hu wettaq ħsara volontarja lill-Mazda, li kkawża ġrieħi ħfief lis-sewwieq tagħha, li b’sewqan negliġenti u perikoluż ikkawża ħsara lil tliet karozzi oħra, u li hu reċidiv.
F’seduta riċenti, l-allegat vittma xehed u qal li kien qiegħed jiġbor impjegati mil-lukanda fil-5.30 ta’ filgħodu meta t-trakk ta’ Hamdan dawwar lura għal ġo fih. Hu sostna li pprova jgħaddi u talab lil Hamdan uħallih jgħaddi, iżda Hamdan niżel mill-vettura, beda jgħajjat u pprova jolqtu. Skont ix-xhud, kien biss grazzi għall-intervent tal-impjegati li ma seħħx ġlied iktar serju.
Meta mar jagħlaq il-bieba ta’ wara tal-karozza tiegħu, Hamdan telaq bil-kamion u daħal fil-karozza tiegħu kif ukoll fi tliet karozzi oħra. Taħt kontra-eżami l-vittma ammetta li l-Mazda tiegħu kienet fin-nofs tat-triq u li hu “blokka” lil Hamdan meta dan ipprova jolqtu, għalkemm ċaħad li kien imbuttah.
Wara din ix-xhieda, l-avukat Jacob Magri, li qed jassisti lill-vittma bħala parte civile flimkien mal-avukat Arthur Azzopardi, talab ordni ta’ protezzjoni.
Il-kawża, li qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, issa ġiet aġġornata għal Ottubru.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Warren Galea, waqt li Hamdan qed ikun difiż mill-avukat Nicholas Mifsud.
//= $special ?>