Raġel Libjan ta’ 38 sena, Mohammed Husayn Mustafa Omar, ġie kkundannat sena ħabs wara li ammetta li seraq minn vettura u kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza sospiża kif ukoll tal-ħelsien mill-arrest. Omar, li ma kellux indirizz fiss f’Malta, tressaq quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia wara li kien arrestat f’rabta ma’ serqa minn vettura f’Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera, fil-31 ta’ Lulju 2025.
Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Ian Vella, akkużatu li seraq oġġetti minn karozza pparkjata f’post pubbliku. L-akkużi saru iktar gravi minħabba li l-fatt serq seħħ waqt li Omar kien għadu fil-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża li kienet ingħatatlu mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fis-16 ta’ Ġunju 2025. Barra minn hekk, dak iż-żmien kien ukoll taħt kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest imposti mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace.
F’seduta li saret fit-2 ta’ Awwissu, Omar ammetta mingħajr kundizzjonijiet kollha l-akkużi miġjuba kontrih. Il-Qorti, skont il-liġi, wissietu dwar il-konsegwenzi ta’ tali ammissjoni u tatu ċans jikkonsulta mal-avukat tiegħu qabel ikkonferma l-ammissjoni tiegħu. Meta reġa’ kkonfermaha, l-Qorti ma kellhiex triq oħra ħlief li ssibu ħati.
Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar il-piena, il-Qorti nnutat li Omar kien ikkopera mal-pulizija u ammetta mill-ewwel, fatt li ġie kkunsidrat bħala mportanti. Madankollu, ir-rekord kriminali tiegħu juri kundanni preċedenti, fosthom għal serq, li ħadmu kontra tiegħu. Barra minn hekk, il-fatt li wettaq reat waqt li kellu sentenza sospiża attiva wassal biex din il-piena sospiża tiġi ordnata li tiġi esegwita.
Il-Maġistrat Sant Lia enfasizzat li l-għan tal-piena hu li ssir ġustizzja, tiġi evitata ripetizzjoni ta’ delitti, jingħata ċans għar-riabilitazzjoni, u fl-istess ħin tkun protetta s-soċjetà. Qalet li minkejja l-ammissjoni bikrija tal-akkużat, ma setax jiġi injorat il-fatt li kiser kemm kundizzjonijiet ta’ sentenza sospiża kif ukoll tal-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti kkundannatu għal xahrejn ħabs għall-akkużi preżenti u ordnat li jiġi attwat ukoll il-perjodu ta’ 10 xhur ta’ priġunerija li kien sospiż, għal total ta’ 12-il xahar ħabs. Barra minn hekk, ġie mmultat €500 u €1,000 mill-garanzija personali tal-ħelsien mill-arrest ġew ikkonfiskati favur il-Gvern. Il-ħelsien mill-arrest tiegħu ġie wkoll revokat.
Fil-konklużjoni tagħha, il-Qorti saħqet li l-piena ma għandhiex tkun att ta’ vendetta iżda mezz biex tinżamm l-ordni soċjali u tkun protetta s-soċjetà, filwaqt li sservi ta’ deterrent u opportunità ta’ riforma għall-akkużat.
//= $special ?>