Il-Kampjonati tad-Dinja tal-Atletika tkomplew fl-Istadium Olimpiku ta’ Tokjo b’aktar finali kif ukoll sorpriżi fir-rebħ ta’ midalji.
Fil-finali tal-Long Jump tal-irġiel midalja tad-deħeb għal Mattia Furlani tal-Italja meta ssorprenda b’qabża ta’ 8.39 metri kiex spiċċa qabel Tajay Gayle tal-Jamaica bi 8.34 metri. Fit-tielet post temm Yuhao Shi taċ-Ċina bi 8.33 metri.
Fil-finali tat-3000 metru steeplechase tan-nisa fl-ewwel post ikklassifikat Faith Cherotich tal-Kenja li temmet fi 8 minuti u 51.59 sekondi. Fit-tieni post daħlet Winifred Yavi tal-Bahrain fi 8 minuti u 56.48 sekondi filwaqt li fit-tielet post kien hemm Sembo Almayew tal-Etjopja fi 8 minuti u 58.86 sekondi.
Sorpriża fil-finali tal-1500 metru tal-irġiel mirbuħa kontra kull mistenni minn Isaac Nader tal-Portugall fi 3 minuti u 34.10 sekondi li kien biss frazzjoni ta’ 0.02 ta’ sekonda minn Jake Wightman tar-Renju Unit u 0.15 ta’ sekonda minn Reynold Cheruiyot tal-Kenja.
Fil-finali tal-Pole Vault tan-nisa kien hemm dominju mill-Istati Uniti permezz ta’ Katie Moon li rebħet il-midalja tad-deheb b’4.90 metri u Sandi Morris b’4.85 metri. Fit-tielet post temmet Tina Sutej tas-Slovenja b’4.80 metri.
//= $special ?>