Lokali

“Tama ġdida biex nindirizzaw l-isfidi”

“Entużjażmu pożittiv ħafna li juri li l-Partit Nazzjonalista għadu ħaj. Issa għandna r-responsabbiltà li nagħmlu differenza ġdida u nagħtu tama lill-poplu billi nindirizzaw ir-realtajiet t’hemm barra.”

Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg f’intervista li kellu mal-Malta Daily li matulha spjega l-viżjoni tiegħu għall-Partit Nazzjonalista u għal pajjiżna.

Alex Borg, tenna li l-Partit Nazzjonalista mhux se jibqa’ gallarija fuq it-temi li jolqtu direttament lin-nies, speċjalment fejn jidħlu issues nazzjonali li jinkludu żieda fil-popolazzjoni, żvilupp eċċessiv ta’ bini, xogħlijiet ta’ kwalità, turisti ta’ kwalità, fost affarjiet oħrajn.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, stqarr kif il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jindirizza l-kriżi taż-żieda fil-popolazzjoni permezz ta’ labour market study u inizjattivi li permezz tagħhom jiġu inċentivati aktar Maltin jidħlu f’ċertu setturi ta’ importanza nazzjonali, fosthom is-settur tas-saħħa. Liema inizjattivi jinkludu pereżempju, żieda fl-istipendju.

Alex Borg saħaq li kif b’rabta ma’ temi sensittivi bħal dawn, il-Partit Nazzjonalista għandu jkun rappreżentattiv tan-nies u jmur lura għall-fehmiet bażiċi billi jżomm il-valuri storiċi tiegħu.

Huwa stqarr kif matul il-kampanja, ħareġ biċ-ċar li t-tesserati jridu l-għaqda u kien għalhekk li l-ewwel laqgħa tiegħu għamilha ma’ Adrian Delia, għax ried iwassal il-messaġġ hemm barra ta’ ħidma konġunta.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg temm jgħid li fil-jiem li ġejjin se jkun qed iħabbar ix-Shadow Kabinett il-ġdid, li jinvolvi lil Adrian Delia, lil Bernard Grech u lid-deputati kollha.