Lokali

Żagħżugħ ta’ 16-il sena fil-periklu tal-mewt wara inċident tat-traffiku f’Ħaż-Żebbuġ

Żagħżugħ ta’ 16-il sena minn Ħal Qormi spiċċa jissielet għal ħajtu wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq l-Imdina, f’Ħaż-Żebbuġ.

Il-każ seħħ għal ħin tal-għaxra tal-Erbgħa filgħaxija meta seħħ inċident bejn e-kick scooter misjuq minn tifel ta’ 15-il sena residenti Ħal Qormi, u vettura Opel Astra misjuqa minn żagħżugħ ta’ 26 sena minn Ħal Luqa.

Passiġġier fuq l-ekick scooter kien hemm proprju ż-żagħżugħ ta’ 16-il sena.

Fil-post ġiet imsejħa minnufih ambulanza li ħadet lil dan tal-aħħar l-Isptar Mater Dei għal aktar kura fejn aktar tard ġie ċċertifikat li ġarrab ġrieħi serji.

Fortunatament iż-żewġ persuni l-oħrajn ma sofrew l-ebda ġrieħi.

Bil-każ kien infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Philip Galea Farrugia li fetaħ inkjesta Maġisterjali filwaqt li ħatar numru ta’ esperti sabiex jassistuh fil-każ.