Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, f’sentenza preliminari li tagħat fil-kawża kontra Raymond Cachia ta’ 63 sena qalet li l-każ irid ikompli jinstema’. L-appell sar l-ewwel mill-Avukat Ġenerali kontra sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati mogħtija fit-5 ta’ Frar 2024, li kienet illiberat lil Raymond Cachia mill-akkużi ta’ korruzzjoni u vjolenza relatati mal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema.
Cachia residenti l-Imġarr qajjem punt preġudizzjali dwar l-irregolarità u n-nullità tar-rikors tal-appell, sostnuta fuq il-bażi li dan ġie ppreżentat barra ż-żmien stipulat mil-liġi. Huwa insista li jekk wieħed jgħodd it-termini preskritti fl-Artikoli 414 u 417 tal-Kodiċi Kriminali, l-aħħar jum biex jiġi ppreżentat l-appell kien il-4 ta’ Marzu 2024, iżda l-appell tal-Avukat Ġenerali sar fis-6 ta’ Marzu 2024.
L-Avukat Ġenerali wieġeb li, skont il-liġi, it-terminu ta’ 12-il jum tax-xogħol jibda jgħodd mid-data li fiha jingħata aċċess elettroniku għall-atti skenjati, u f’dan il-każ dawn ġew irċevuti mill-uffiċċju tiegħu nhar il-19 ta’ Frar 2024.
Għaldaqstant, l-appell tal-6 ta’ Marzu 2024 kien preżentat fit-terminu. Dan il-punt ġie kkonfermat mix-xhieda ta’ uffiċjali tal-Avukat Ġenerali u tar-Reġistru, li ammettew li l-atti waslu tard għand l-Avukat Ġenerali minħabba dewmien min-naħa tar-Reġistratur, u mhux minħabba nuqqas tal-istess Avukat Ġenerali.
Il-Qorti rrimarkat li, għalkemm il-liġi tobbliga li t-termini jiġu osservati skrupolożament, ma setgħetx tiddikjara nullità meta d-dewmien ma kienx tort tal-Avukat Ġenerali, iżda lill-amministrazzjoni tal-Qrati. F’dan is-sens, irreferiet ukoll għal ġurisprudenza riċenti li kienet saħqet fuq din il-linja.
B’hekk, il-Qorti ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ nullità mqajma minn Raymond Cachia u ordnat il-prosegwiment tas-smigħ tal-appell fil-mertu. Barra minn hekk, ordnat li din is-sentenza tiġi kkomunikata lir-Reġistratur sabiex tfakkar lill-uffiċjali kollha tal-Qrati fil-ħtieġa li t-termini preskritti mil-liġi jiġu rispettati b’rigorożità. L-appell issa se jkompli jiġi deċiż fuq il-mertu tiegħu fl’udjenza li jmiss.
//= $special ?>