Internazzjonali

Attakki fuq l-industrija taż-żejt tar-Russja….lejn sanzjonijiet ġodda għal Moska

Numru ta’ drones u missili tal-Ukreni, fl-aħħar sigħat, laqtu raffinerija taż-żejt ewlenija tar-Russi flimkien ma’ diversi faċilitajiet tal-petrokimika fl-inħawi ta’ Bashkortostan…Inħawi ftit aktar minn 1,000 kilometru ‘il bogħod miz-zona tal-gwerra fl-Ukrajna.

Il-qawwiet Ukreni għall-missjonijiet speċjali anki attakkaw raffinerija taż-żejt fir-reġjun Russu ta’ Volgograd. Din ir-raffinerija hi fost il-faċilitajiet ewlenin li qegħdin jissupplixxu l-fuel lill-militar tar-Russja.

Fil-fatt, ir-raffinerija inkwistjoni hi fost l-akbar produtturi tal-petroleum u riżorsi simili fid-Distrett Federali lejn in-Nofsinar tar-Russja u meta tipproċessa mal-15.7 miljun tunnellati metriċi ta’ żejt mhux irraffinat fis-sena…Ammont li jagħmel tajjeb għal sitta fil-mija tal-kapaċità totali tal-pajjiż għall-irraffinar taż-żejt.

  1. attakki tal-Ukreni qed iżommu ma’ strateġija speċifika għall-azzjonijiet militari kontinwi kontra l-industrija taż-żejt tar-Russja u li ilhom għaddejjin għal diversi ġimgħat….Azzjonijiet li fost oħrajn wasslu għan-nuqqasijiet ta’ fuel fid-diversi reġjuni kontrollati mill-Kremlin.

L-attakki mill-Ukreni, fil-fatt, għalqu lill-faċilitajiet li jagħmlu tajjeb għal mill-anqas 17 fil-mija tal-kapaċità tar-Russja gżall-produzzjoni taż-żejt…Kapaċità ekwivalenti għal 1.1 miljun barmil kuljum.

Fl-aħħar sigħat ukoll, il-Kummissjoni Ewropea ressqet rawnd ġdid ta’ sanzjonijiet għar-Russja anki waqt li l-qawwiet Russi kienu qed jintensifikaw il-baraxx tad-drones u l-missili fuq l-artijiet tal-Ukrajna….Dan ukoll meta l-President Russu, Vladimir Putin qed ikompli jinjora s-sejħiet biex ipoġġi mal-mejda tan-negozjati.

Il-proposta, ippreżentata mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, hi mirata għall-banek, għexieren ta’ bastimenti u, għall-ewwel darba, is-sistemi tal- cryptocurrency li qed tuża Moska biex tittrasferixxi illegalment il-flus fis-swieq finanzjarji globali.

Ladarba l-aħħar sanzjonijiet ikunu approvati mill-Istati membri tal-UE, għandu jidħol fis-seħħ id-19 il-pakkett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja minn Frar tal-2022 – meta l-ewwel truppi u tankijiet ta’ Putin kienu qasmu l-fruntiera lejn l-Ukrajnja.

Fl-aħħar sigħat kienu għaddejjin it-taħditiet fost l-ambaxxaturi tal-Unjoni Ewropea fost is-sens tal-urġenza xprunat mill-preżenza riċenti tad-drones tal-Kremlin fl-ispazju tal-ajru tal-Polonja u r-Rumanija.

Ursula von der Leyen enfasizzat li r-Russja, fl-aħħar ġimgħat, uriet, kontinwament, in-nuqqas ta’ rispett għad-diplomazija u l-liġi internazzjonali. Hi spjegat li l-Unjoni se tkompli tuża l-miżuri kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tikkonkludi l-konflitt brutali fl-Ukrajna.