Fl-okkażjoni tal-wieħed u sittin anniversarju ta’ Jum l-Indipendenza, Festivals Malta, permezz tal-Kumitat Festi Nazzjonali, se torganizza dawn l-attivitajiet li ġejjin.
Nhar il-Ħadd 21 ta’ Settembru, fid-9am jitlaq marċ militari mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta minn quddiem il-bini tal-Parlament ta’ Malta għal Misraħ San Ġwann. Mal-wasla tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, tingħata salut nazzjonali u ssir spezzjoni tal-Gwardja tal-Unur.
Fid-9:30am, tibda quddiesa Pontifikali u tintemm bil-kant tat-Te Deum fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann li se tiġi mxandra live fuq Television Malta.
Wara l-quddiesa, isir it-tqegħid ta’ fjuri fuq il-monument tal-Indipendenza l-Furjana mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż: il-President ta’ Malta, l-Aġent Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni. Biswit l-istess monument jinħaraq salut ta’ 21 tir mill-Forzi Armati ta’ Malta.
Fit-8pm, fit-Teatru Manoel jiġi ppreżentat kunċert lill-poplu mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta taħt id-direzzjoni ta’ Mro Michael Laus bil-parteċipazzjoni tat-Tenur Alan Sciberras.
Il-kunċert jinkludi xogħlijiet mill-kompożituri Maltin Vincenzo Bugeja u Veronique Vella. Flimkien ma’ dawn se jiġu interpretati wkoll siltiet mużikali ta’ Franz van Suppe’, Beethoven, Bizet u Puccini.
//= $special ?>