Il-viżjoni għall-pajjiżna, l-importanza tan-nisa fil-politika, l-abbozzi b’rabta mal-ippjanar, l-iskandlu tal-Fortina, id-dejn u l-kwalita tal-ħajja.
Dawn kienu wħud mis-suġġetti li ġew diskussi quddiem folla numeruża l-Ġimgħa filgħaxija hekk kif il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg kien intervistat mill-ġurnalist tal-MaltaToday Karl Azzopardi hekk kif l-attivitajiet b’rabta mal-Indipendenza li qed isiru fi Pjazza Tritoni daħlu fit-tieni jum tagħhom.

Mistoqsi fuq ix-Shadow Cabinet huwa spjega kif bħalissa għaddejja diskussjoni mad-Deputati u li qed ikompli joħroġ biċ-ċar li l-Partit Nazzjonalista huwa partit magħqud. Huwa saħaq li l-poplu Malti u Għawdxi għandu tama fil-Partit Nazzjonalista.
Mistoqsi fuq id-dejn, Alex Borg irrimarka kif il-Partit Laburista qatt ma tkellem fuq id-dejn li għandu filwaqt li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien trasparenti. Hawnhekk huwa fakkar li Gvern Laburista għamel dejn nazzjonali rekord li kważi laħaq 11-il biljun ewro.
B’rabta mal-abbozzi tal-ippjanar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern ta’ Robert Abela baqa’ għaddej romblu fuq kulħadd dan għaliex ippreżenta dawn l-abbozzi mingħajr konsultazzjoni. Huwa appella sabiex l-abbozz tal-ippjanar jiġi rtirat minnufih għal ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Qal ukoll li huwa lest li jiddiskuti mal-Prim Ministru sabiex joħolqu riforma li tibbenefika lil kulħadd. Mistoqsi dwar jekk hux se jattendi għal protesta li qed torganizza Moviment Graffitti huwa qal li jekk ma jkollux impenji politiċi huwa se jattendi dan filwaqt li d-Deputati jistgħu jattendu.
Mistoqsi fuq l-iskandlu tal-Fortina, Alex Borg spjega kif fir-rapport ħareġ b’mod ċar li Gvern falla u kien għalhekk li ħa azzjoni immedjata fil-Parlament tant li wara pressjoni li għamlu saret diskussjoni urġenti dwar din il-materja. Huwa fakkar li fil-Parlament talab sabiex il-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga dan l-iskandlu u propju ftit tas-sigħat ilu ħarġet l-aħbar li qed issir investigazzjoni. Hawnhekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din kienet rebħa oħra għall-Partit Nazzjonalista.
Matul l-intervista l-Kap tal-Partit Nazzjonalista aċċenna li daħal għal din il-kariga biex jagħmel impatt pożittiv fil-pajjiż bil-għan li l-poplu Malti u Għawdxi jkollu kwalita ta’ ħajja aħjar.


