Il-boxer rinomat u kowċ Skoċċiż Scott Dixon, ta’ 48 sena, li bħalissa qed jaffaċċja akkużi dwar ċertifikati mediċi foloz, irriżulta li ilu jgħix b’mod “irregolari” f’Malta mill-2008. Dan ħareġ fil-Qorti meta rappreżentant ta’ Identità xehed fil-proċeduri kriminali kontra Dixon u l-psikjatra Mark Xuereb.
Iż-żewġt irġiel qed jaffaċċjaw akkużi b’rabta ma’ ċertifikati foloz li kienu ġew ippreżentati minn Dixon sabiex jiġġustifikaw il-fatt li ma kienx qed jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija wara li kien ingħata l-ħelsien mill-arrest. Huma qed iwieġbu mhux ħatja.
Dixon, li kien ingħata l-ħelsien mill-arrest wara każ ta’ traffikar tal-kannabis fl-2009, kellu depożitu ta’ €15,000 u garanzija personali ta’ €25,000. Minkejja dan, għal perjodi sħaħ ma kienx qed jiffirma l-għassa kif ordnat mill-Qorti, u f’dawn l-okkażjonijiet ippreżenta ċertifikati mediċi.
Ir-rappreżentant ta’ Identità spjega li l-aħħar darba li Dixon irrinova l-permess ta’ residenza kien fl-2007, u minn wara l-2008 ilu jgħix Malta mingħajr dokumenti validi. Jidher li wara l-arrest tiegħu fl-2009, id-dokumenti personali tiegħu nżammu mill-pulizija u hu ma rrinovahomx aktar.
Il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u l-applikazzjonijiet ta’ varjazzjonijiet fuqhom ġew ippreżentati wkoll fil-Qorti waqt is-seduta tal-Ġimgħa. Il-kawża qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana. L-Ispettur tal-Pulizija Darryl Farr mexxa l-prosekuzzjoni. L-Avukat Matthew Xuereb deher għal Mark Xuereb, filwaqt li l-avukati Franco Debono u Anthea Bonnici Zammit dehru għal Dixon.
//= $special ?>