Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg jaħtar erba’ karigi ġodda

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Sabine Agius Cabourdin, Simon Vella Gregory, Damien Spiteri u Simon Mizzi ġew appuntati karigi ġodda u importanti mill-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg.

Il-Ħamis filgħaxija fi Pjazza Tritoni, fost folla kbira ta’ żgħażagħ, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħatar erba’ karigi importanti.

Alex Borg irrimarka kif waqt il-laqgħa li kellu ma’ Robert Abela, innota kif madwar il-mejda kienu kollha rġiel. Intant, huwa rrimarka l-importanza li jkun hemm aktar nisa fi ħdan it-tmexxija ta’ pajjiżna, u kien propju għalhekk li xtaq jinkariga mara bħala l-ewwel Kap Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

Sabine Agius Cabourdin b’mod effettiv ġiet maħtura bħala l-ewwel Kap Eżekuttiv tal-PN. Agius Cabourdin hija avukat, chairperson tal-BOV Joseph Calleja Foundation, kif ukoll fundatur u direttur tal-Fondazzjoni Fidem. Agius Cabourdin ser tkun qed tirrapporta lis-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello.

Simon Vella Gregory ġie maħtur bħala Campaign Manager, fejn ser ikun responsabbli mix-xogħol u l-preparazzjoni għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Vella Gregory, fil-passat kien koordinatur tal-kommunikazzjoni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tas-Segretarjat tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ġie appuntant, is-Sindku żagħżugħ tal-Munxar, Damien Spiteri. Spiteri huwa wkoll awditur li kiseb l-esperjenza professjonali tiegħu tul dawn l-aħħar snin bħala awditur ta’ kumpaniji multinazzjonali u anke lokali.

Intant, l-Inġinier Simon Mizzi ġie appuntat Kap tal-Leadership Delivery Office. Uffiċċju li ser jiggarantixxi li Alex Borg jilħaq il-wegħdiet kollha tiegħu li ħabbar tul il-kampanja. Mizzi kiseb dottorat fl-inġinerija mill-Università ta’ Strathclyde Glasgow fejn speċjalizza fil-qasam tal-enerġija u l-avjazzjoni.

Dawn il-ħatriet ġew imħabbra mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg innifsu, il-Ħamis waqt attività politika organizzata mill-Partit Nazzjonalista fi żmien iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza.

Alex Borg insista kif dawn il-ħatriet li jkomplu jsaħħu l-Partit Nazzjonalista, waqt li ser jassiguraw li flimkien jintlaħaq l-għan tal-Partit, dak li l-Partit Nazzjonalista jsir Gvern alternattiv.

Ritratt: Martin Agius