Il-PN u l-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija jinsabu fuq l-istess binarju u jemmnu f’viżjoni fit-tul għal pajjiżna
Dan hu l-mument li nattwaw dak li ilna nipproponu.
F’laqgħa ma’ The Malta Chamber, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li hu ta’ sodisfazzjon għalih jara li l-Partit Nazzjonalista u l-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija qed jimxu fuq l-istess binarju, bil-viżjoni tat-tnejn tixxiebah ħafna.
Tul il-laqgħa li tagħmel parti minn sensiela ta’ laqgħat ta’ qabel il-Budget 2026 u l-ewwel waħda ta’ Alex Borg mal-Kamra tal-Kummeċ mindu laħaq Kap tal-PN, il-President ta’ The Malta Chamber William Spiteri Bailey u l-Kap Eżekuttiv Marthese Portelli ppreżentaw id-dokument ta’ qabel il-budget imħejji mill-istess Kamra bit-tema Time to Action. Din it-tema ntgħażlet għaliex pajjiżna wasal f’punt fejn jekk mhux se jiġu attwati diversi bidliet, se jkun qed jiffaċċja diffikultajiet.
Kien hemm qbil sħiħ dwar il-ħtieġa li pajjiżna jagħmel il-qabża mill-kwantità għall-kwalità, fost l-oħrajn fit-turiżmu. Xi ħaġa li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq fuqha.
Il-Malta Chamber insistiet li l-problemi tal-pajjiż ma jissolvewx bi quick fixes imma b’deċiżjonijiet għaqlin u b’viżjoni fit-tul, kif ilu jgħid ukoll il-Partit Nazzjonalista.
Fost id-diversi t-temi li ġew diskussi matul il-laqgħa li saret fil-kwartieri tal-Kamra fil-Belt Valletta, kien hemm it-turiżmu, il-produttività, il-ħtieġa ta’ inqas burokrazija għan-negozji, l-użu tal-fondi pubbliċi u s-saħħa.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg faħħar il-ħidma tal-Kamra tal-Kummerċ u rringrazzjaha tal-proposti studjati li tippreżenta, fosthom id-dokument Time to Action, u qal li issa verament huwa l-mument li dawn il-proposti ma jibqgħux fuq il-karta imma jiġu attwati.
Preżenti għal din il-laqgħa mal-membri tal-Kunsill tal-Malta Chamber flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm is-CEO tal-PN Sabine Agius Cabourdin kif ukoll ix-Shadow Ministers Beppe Fenech Adami, Jerome Caruana Cilia, Graham Bencini, Joe Giglio, Mario De Marco, Darren Carabott, Rebekah Borg, Ivan Castillo u Mark Anthony Sammut.
Fi tmiem il-laqgħa, Alex Borg qal li jħares ’il quddiem lejn aktar qsim ta’ ideat u kollaborazzjoni sħiħa mal-Kamra tal-Kummerċ. Ħidma li trid twassal biex jissaħħu n-negozji, tikber l-ekonomija u jgawdi l-poplu Malti u Għawdxi kollu.
