Lokali Qorti

Kumpens ta’ €42,000 fuq ksur tad-drittijiet fundamentali fuq propjetà fl-Imġarr

Kumpens ta’ kważi €42,000 mogħti miIl-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha li laqgħet il-każ ta’ Veneranda Mifsud kontra l-Avukat tal-Istat u l-inkwilin Luqa Bezzina, li jikkonċerna proprjetà fi Triq Sir Harry Luke, l-Imġarr.

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Audrey Demicoli qieset li l-Artikolu 12(2) tal-Kap. 158 tal-Liġijiet, kif kien fis-seħħ qabel l-Att XXVII tal-2018, kien qed jippermetti lill-inkwilin dritt ta’ relokazzjoni indefinita li kiser id-drittijiet fundamentali tas-sid, kif dawn huma protetti mill-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea.

Il-Qorti osservat li l-liġi ma żammitx bilanċ bejn id-drittijiet tas-sid u l-protezzjoni tal-inkwilin, billi l-kera imposta ma kinitx tirrifletti l-valur tas-suq u lanqas il-valur lokatizju tal-proprjetà in kwistjoni. Fil-qafas ta’ din id-deċiżjoni, il-Qorti laqgħet it-talba tar-rikorrenti u tillikwida kumpens sostanzjali: dik ta’ 38,997.72 bħala kumpens pekunjarju u €3,000 bħala kumpens non-pekunjarju, biex tipprovdi rimedju għad-danni u l-preġudizzji li sofriet.

Il-Qorti kkundannat lill-Avukat tal-Istat iħallas dan il-kumpens flimkien mal-imgħax legali mid-data tas-sentenza sad-data tal-pagament. L-eċċezzjonijiet imressqa mill-Avukat tal-Istat u mill-inkwilin Luqa Bezzina ġew miċħuda, filwaqt li l-ispejjeż tqassmu b’mod li parti waħda minn ħamsa kienet f’karigu tar-rikorrenti u l-bqija f’karigu tal-Avukat tal-Istat.

Din id-deċiżjoni tikkonferma l-importanza tal-bilanċ bejn id-drittijiet tas-sid u l-inkwilin u l-protezzjoni tal-proprjetà privata f’Malta. Il-Qorti rrimarkat ukoll li l-indħil tal-Istat fil-proprjetà kien fil-bidu leġittimu u fl-interess ġenerali, iżda l-problema kienet tinsab fil-proporzjonalità.

Il-kera stabbilita kienet ferm baxxa u fissa għal perjodu twil, filwaqt li ma kien hemm l-ebda salvagwardja proċedurali li tiggarantixxi trattament ekwu lis-sid. Barra minn hekk, is-sid ma kellhiex ċertezza dwar jekk u meta kienet se tirċievi lura l-proprjetà tagħha.

Il-Qorti għalhekk ikkonkludiet li dawn iċ-ċirkostanzi kienu jpoġġu piż sproporzjonat u eċċessiv fuq is-sidien, u b’hekk kisru l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll. B’hekk, il-Qorti ddikjarat li d-drittijiet fundamentali ta’ Veneranda Mifsud ġew miksura u rrimarkat kif il-mekkaniżmu previst fil-Kap. 158, partikolarment l-artikolu 12(2), falliet milli żżomm bilanċ ġust bejn l-interess pubbliku u d-drittijiet tas-sidien tal-proprjetà privata.