Il-qawwiet tal-ajru tan-NATO għadhom kemm interċettaw tlett fighter-jets tar-Russja li daħlu fl-ispazju tal-ajru tal-Estonja.
L-Estonja hi waħda mill-pajjiżi Baltiċi msieħba fl-Alleanza tal-Punent u l-fighter jets tal-Kremlin kienu interċettati mill-ajruplani F-35s tal-Italja li huma bażati fl-Estonja bħala parti minn missjoni (tan-NATO) għas-sorveljanza fuq iz-zoni tal-Baħar Baltiku.
L-Alleanza tan-NATO ma tilfitx iż-żmien biex tirreaġġixxi għall-aħħar provokazzjoni tar-Russja li kellha sseħħ ftit ġranet biss wara li d-drones ta’ Moska infiltraw l-ispazju tal-ajru tal-Polonja u r-Rumanija (ukoll membri tal-Alleanza tal-Punent).
Il-kelliema għan-NATO, fil-fatt, irreferew għal eżempju ieħor tal-aġir irresponsabbli ta’ Moska u l-kapaċità tal-Alleanza biex twieġeb għaċ-ċirkustanzi.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet li l-aħħar inċident fuq l-Estonja jenfasizza l-ħtieġa għall-konferma tad-19-il pakkett ta’ sanzjonijiet (mill-UE) għar-Russja li qed jidher imminenti.
Hi saħqet li l-Ewropa qed tappoġġja lill-Estonja fid-dawl tal-aħħar abbuż (mir-Russja) għall-iskaptu ta’ pajjiż Ewropew sovran u indipendenti.
Von der Leyen kompliet li l-Unjoni tinsab determinata biex ‘tinvesti’ fit-tisħiħ tas-sigurtà għaz-zoni tal-Lvant mal-periferija tal-Ewropa. Dan fost stqarrija li l-pressjoni tal-UE fuq ir-Russja se tkun qed tirrifletti l-eskalazzjoni tat-theddid għall-pajjiżi membri min-naħa ta’ Moska.
Fl-istess ħin, Kaja Kallas, l-eks Prim Ministru tal-Estonja li llum hi responsabbli mill-politika barranija tal-Unjoni Ewropea, qalet li l-abbuż tal-ispazju tal-ajru ta’ pajjiżha mill-fighter jets tar-Russi għandu jitqies bħala provokazzjoni ferm perikoluża għall-Ewropa bħala entità kollettiva – bl-azzjoni anki qed tirranka t-tensjoni fir-reġjun.
Kallas enfasizzat li l-UE qed turi solidarjetà sħiħa u totali mal-Estonja fid-dawl tal-aħħar ċirkustanzi.
//= $special ?>